Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia żaru l-Palazz tal-Gran Mastru li qiegħed għaddej minn proġett ta’ riġenerazzjoni.
“Dan il-proġett ta’ €10 miljun, li fil-maġġoranza tiegħu huwa ffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, għandu l-għan li jġib l-prestiġju u l-grandjożità ta’ din il-binja storika lura għall-glorja tiegħu, sabiex dan ikun jista’ joffri esperjenza eċċezzjonali għall-viżitaturi tiegħu. Ir-restawr estensiv huwa ppjanat li jirrifletti l-importanza ta’ din il-binja storika, kif ukoll l-oriġinalità tagħha. Hemm żoni estensivi li qabel qatt ma kienu aċċessibbli, li permezz ta’ dan ix-xogħol kollu se jkun disponibbli għall-pubbliku – dan kollu jikkumplimenta l-approċċ ħolistiku tagħna biex nagħmlu l-arti u l-kultura aktar aċċessibbli, b’mod li nkomplu nissodisfaw b’ suċċess l-istrateġija kulturali tagħna,” stqarr il-Ministru Owen Bonnici waqt iż-żjara tiegħu.
S’issa x-xogħlijiet bdew fuq is-soqfa tal-kurituri tal-Palazz u fuq sett ta’ 19-il lunetta (pitturi f’forma ta’ nofs tond) li kienu fi stat ħażin ħafna ta’ konservazzjoni. Sitta minnhom diġà ġew restawrati. Għalkemm l-artisti ta’ dawn il-lunetti m’humiex magħrufa, huwa stmat li ġew impittra minn tliet artisti differenti fi żminijiet differenti.
It-tender tax-xogħlijiet infrastrutturali prinċipali wkoll ġie ppubblikat u għandu jingħata sal-aħħar ta’ din is-sena.
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li l-emfasi fuq il-kultura hija l-għodda li biha nippreservaw l-identità u l-istorja Maltija u dik Ewropea. “Tinħass sejħa mill-poplu Malti u s-soċjetà ċivili li nagħtu prijorità lill-identità u l-istorja ta’ pajjiżna. Permezz tal-fondi Ewropej dan qed nagħmluh fuq proġetti kbar fil-kapitali bħal dan il-proġett iżda wkoll lil hinn fl-irħula u l-villaġġi Maltin u Għawdxin,” qal is-Segretarju Parlamentari Farrugia.
Huwa spjega li s-suċċess ekonomiku li kiseb pajjiżna fl-aħħar snin qed jippermetti biex aspetti bħall-kultura u ambjent jintgħataw iktar prijorità, anke għaliex dawn għandom effett sinjifikanti fuq il-kwalità ta’ ħajja. “Permezz ukoll tal-fondi Ewropej, qed immorru pass oltré mill-proġetti kbar kulturali u qed ninvestu f’xogħlijiet ta’ restawr ta’ knejjes u assi oħra, b’hekk inkomplu nsaħħu il-komunità u l-identità ta’ pajjiżna.”
Il-parti li għandha bżonn l-aktar xogħol huma l-uffiċini li bħalissa qegħdin jintużaw mill-Avukat Ġenerali. Meta dawn se jiġu vakati u rrestawrati, l-uffiċini se jinbidlu f’ċentru ta’ informazzjoni għall-viżitaturi, biex dawn jingħataw dehra ġenerali tal-Palazz u l-faċilitajiet l-oħra tal-binja.
Il-proġett jinkludi wkoll li l-Armerija tal-Palazz titla’ lura fil-post oriġinali fl-ewwel sular, li sa ftit żmien ilu kienet tospita l-Parlament.
Ix-xogħlijiet ta’ restawr se jiffukaw ukoll fuq il-pitturi li hemm fil-kurituri u fuq is-soqfa tal-Palazz. L-art tal-irħam se tiġi msewwija u s-swali se jiġu ddekorati mill-ġdid u mgħammra.
Il-Palazz tal-Gran Mastru huwa wieħed mill-ifjen binjiet tal-Belt Valletta. Minn mindu nbena fiż-żmien l-1570, il-binja serviet bħala ċentru ta’ poter u awtorità għall-mexxejja ta’ Malta, membri tal-uffiċċju ewlenin, il-gvern, u aktar tard bħala s-sede tar-rappreżentanti tiegħu. Ospitat ukoll l-Uffiċċju tal-Gvernaturi Ġenerali u għadha tospita l-Uffiċċju tal-President ta’ Malta.
Minkejja l-importanza b’mod ġenerali tiegħu, il-Palazz qatt ma rċieva attenzjoni speċifika ħolistika mill-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija lil hawn. Minn dak iż-żmien, il-post ġie maqsum f’partijiet, ħafna drabi għal xi użu għal żmien qasir, li wassal għal viżjoni inkoerenti u danni għat-tessut tal-binja u l-konenut tiegħu, li tinkludi l-bini ta’ ħitan diviżorji u żidiet oħra.
Il-proġett kollu huwa mmexxi mid-Direttorat tar-Restawr u Heritage Malta li jaqgħu fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Commentaires