top of page

Iċ-Ċippi ta’ Malta lura f’pajjiżna b’wirja fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta



 

Ġiet imnedija wirja fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta bit-titlu The Cippi of Malta – Their Story and Voyage, fejn iċ-Ċippi ta’ Malta jinsabu mill-ġdid f’pajjiżna. Il-wirja se tibqa’ miftuħa sal-31 ta’ Marzu 2025.

 

Iċ-ċippi, żewġ kandelabri tal-irħam mit-2 seklu QK, għandhom sinifikat storiku immens minħabba l-iskrizzjonijiet Feniċi u Griegi bilingwi li għandhom imnaqqxa fuqhom. Dawn l-iskrizzjonijiet kienu kruċjali fid-deċifrar tal-alfabett Feniċju mill-istudjuż Franċiż Jean-Jacques Barthélemy fl-1758.

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici saħaq dwar ir-rwol tal-wirja li tkattar id-diplomazija kulturali. “Ir-ritorn tagħhom mhuwiex biss ċelebrazzjoni tal-wirt arkeoloġiku rikk ta’ Malta iżda wkoll xhieda tar-rabtiet dejjiema bejn Malta, Franza, u l-imsieħba kulturali tagħna madwar id-dinja.”

 

Mario Cutajar, iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, irrimarka li, “Dawn iż-żewg kandelabri huma ħaġa waħda mal-istorja ta’ pajjiżna. Sa minn ċkunitna ħafna minna konna nafu l-istorja taċ-Ċippi minħabba l-irwol tagħhom fl-iddeċifrar tal-ilsien Feniċju, u anke minħabba sforzi mill-awtoritajiet biex jiġi assoċjat mal-ilsien Malti. Dal-kandelabri jiftħu bosta twieqi fuq l-istorja tagħna. Li reġgħu ltaqgħu hawn Malta jagħtuna opportunità nsiru nafu iktar dwarna u l-wirt tagħna.”

 

Noel Zammit, Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, qal, “Ir-riunjoni taċ-ċippi f’Malta turi aspett notevoli tal-istorja antika tal-gżira tagħna. Huwa privileġġ li nġibu dawn iż-żewġ artefatti imprezzabbli flimkien, li jippermettilna naqsmu l-istorja tagħhom mal-viżitaturi bħal qatt qabel.”

 

Fl-1782, wieħed miċ-ċippi kien mogħti lil Franza mill-Gran Mastru de Rohan bħala ġest ta’ skambju akkademiku u diplomatiku. Minn dakinhar, dan baqa’ fil-Mużew tal-Louvre f’Pariġi, filwaqt li eżemplari identiku tiegħu baqa’ l-Belt Valletta. Ir-riunjoni temporanja tagħhom fil-Louvre ta’ Abu Dhabi s-sena l-oħra mmarkat sħubija kulturali storika bejn Malta u l-Emirati Għarab Magħquda. Issa, grazzi għall-kollaborazzjoni mal-Louvre, iċ-ċippi għal darb’oħra jinsabu fuq art Maltija, lesti biex jesperjenzahom il-pubbliku.

 

Il-wirja tixħet dawl ukoll fuq il-mistoqsijiet kontinwi dwar l-oriġini taċ-ċippi, hekk kif l-istudjużi jkomplu jesploraw meta u kif waslu Malta għall-ewwel darba. Sharon Sultana, il-Kuratur tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, stqarret li, “Il-wirja f’Abu Dhabi kienet il-bidu ta’ kollaborazzjoni ta’ riċerka mal-mużew tal-Louvre dwar iċ-Cippi ta’ Malta. Fis-sena li għaddiet, din kompliet tissaħħaħ u r-riżultat qed jiġi ppreżentat lill-pubbliku f’din il-wirja u fil-pubblikazzjoni li takkumpanjaha.”

 

Id-dħul għall-wirja huwa inkluż mal-biljett tal-Mużew. Il-ħinijiet tal-ftuħ jinsabu hawn: https://heritagemalta.mt/opening-hours/



 


 


 




 

Comments


bottom of page