top of page

Jibda r-restawr fuq siti f’Forti Rikażli



Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, permezz tad-Direttorat tar-Restawr, beda xogħol ta’ restawr fuq ħames siti speċifiċi li jinsabu f’Forti Rikażli li ġew identifikati bħala l-aktar kruċjali biex isirilhom xogħol ta’ restawr.


“Perezz tal-bidu ta’ dan ix-xogħol ta’ restawr qed nindirizzaw waħda mill-akbar siti storiċi ta’ pajjiżna biex inkomplu naħdmu biex inħarsu l-wirt tagħna,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt żjara f’Forti Rikażli.

Irringrazzja lil dawk kollha li qed jagħtu sehemhom biex dan il-proġett ambizzjuż iseħħ u qal li “dan qed isir grazzi għall-interventi numerużi li qed isiru u se jsiru mid-Direttorat tar-Restawr għax aħna impenjati biex insaħħu l-wirt tanġibbli tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri.”

L-ewwel xogħlijiet qed isiru fuq il-Batterija Numru 1 Curtain li hi waħda minn dawk l-istrutturi li nbnew lejn l-aħħar tas-seklu dsatax – hu evidenti li l-ġebla tal-franka ddeterjorat ħafna matul is-snin tant li hemm fdalijiet ta’ xi ġebel li kien inbidel fil-passat u dan iddeterjora wkoll – hemm partijiet minn din il-faċċata li qed jaqgħu waqt li partijiet oħra waslu biex jaqgħu wkoll. L-interventi proposti huma li jerġgħu jinbnew il-partijiet li waqgħu u tissewwa l-ħsara fil-partijiet l-oħra. Il-ġebel li hu mherri se jinbidel filwaqt li se jimtlew il-fili u se jissewwa l-kontrabejt biex ma jidħolx aktar ilma fil-ħxuna tal-ħitan. Dan ix-xogħol diġà beda u mistenni li jitlesta sas-sajf tas-sena d-dieħla.


“Bħala wieħed mill-aktar postijiet ta’ wirt storiku importanti, Forti Rikażli hu ewlieni għall-industrija Maltija tal-films. Din il-forti sservi ta’ backlot għal dawk li jagħmlu l-films bħalma kienet għal diversi films rinomati fosthom Gladiator, Troy, Agora, Assassin’s Creed u aktar. Il-forti hi sit uniku u hi mfittxija minn produzzjonijiet barranin ukoll. Aħna nemmnu li għandna ninvestu fir-restawr u fil-konservazzjoni ta’ Forti Rikażli biex niżguraw li nipproteġu l-wirt tagħna u li tibqa’ għall-industija tal-films,” qal il-Kummissarju tal-Films Johann Grech.

It-tieni parti tax-xogħlijiet se jsiru fuq il-kontragwardja ta’ San Duminku li qiegħda fi stat ħażin bil-baħar li ġarraf partijiet minnha matul iż-żmien. Se jsir intervent fuq il-faċċata li tħares lejn in-Nofsinhar biex jiġu indirizzati l-ħsarat li hemm fejn se jerġgħu jinbnew il-partijiet li waqgħu u tissewwa l-ħsara li saru fil-partijiet l-oħra. Hawn ukoll se tingħata attenzjoni biex jinbidel il-ġebel mherri u jimtlew il-fili u jissewwa l-kontrabejt sabiex ma jidħolx aktar ilma fil-ħxuna tal-ħitan. Ix-xogħol mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin.


Se jsir xogħol ta’ restrawr ukoll fuq il-Bastjun ta’ San Duminku u fuq it-trollijiet tas-swar li jħarsu fuq id-daħla tar-Rinella li mistennija jibdew fl-2020. Attwalment qed issir dokumentazzjoni fuq dawn iż-żewġ siti biex jinftiehem aħjar ix-xogħol ta’ restawr li hemm bżonn li jsir. Qegħdin isiru wkoll studji fuq il-konkos użat fuq il-Fire Control Tower f’Bastjun Numru 4 sabiex id-direttorat ikun jista’ jifhem aħjar il-materjal użat biex isiru l-interventi neċessarji fuqu. Mistenni li jibda x-xogħol ta’ restawr fuqu fis-sena 2021.


B’kollox se jiġu indirizzati ħames siti li bħalissa huma l-aktar li jinstabu fi stat li għandhom bżonn restawr imminenti – dan ix-xogħol qed jiġi ffinanzjat mid-direttorat stess u hu stmat li jkun madwar €1 miljun.


Id-Direttorat tar-Restawr qed ukoll jiddokumenta xi partijiet oħrajn fil-forti sabiex jiddetermina l-istat tagħhom.



Comments


bottom of page