top of page

Jibda r-restawr tal-Kappella ta’ San Ġużepp u l-Bazaar tal-Fondazzjoni St Jeanne Antide f’Ħal Tarxien



 

Ingħata bidu għax-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-Kappella ta’ San Ġużepp u l-Bazaar tal-Fondazzjoni St Jeanne Antide f’Ħal Tarxien, li qed isiru mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni bħala parti mill-Iskema ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali.

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, waqt żjara fuq il-post sostna li l-konservazzjoni tal-wirt kulturali hija kruċjali biex jiġi assigurat li l-istorja u l-identità tagħna jibqgħu ħajjin.

 

“Dawn l-isforzi ta’ restawr huma fundamentali biex dawn il-postijiet storiċi mhux biss jibqgħu rilevanti iżda wkoll iservu lill-komunità. Huwa permezz ta’ dawn l-interventi li qed niżguraw li dawn il-monumenti, li jġorru magħhom storja u tradizzjoni rikka, jibqgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li permezz ta’ din l-iskema ta’ restawr għall-Kunsilli Lokali qegħdin jilħqu diversi postijiet storiċi u kulturali għaliex qed ikunu propju l-kunsilli nnifishom li jressqu ’l quddiem il-proposti tagħhom għal xogħlijiet ta’ restawr fl-ibliet u l-irħula Maltin.

 

“Il-Gvern huwa kommess li jkompli jsostni l-kunsilli lokali u jagħtihom l-għodda neċessarja biex ikollna lokalitajiet isbaħ u aħjar,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari.

 

Il-Kappella ta’ San Ġużepp u l-Bazaar, mibnija fl-1874, ilhom joffru servizzi reliġjużi u soċjali għall-komunità għal diversi snin.

 

Il-proġett ta’ restawr qed jitwettaq mill-ħaddiema tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni u huwa ppjanat li jitlesta sa Novembru ta’ din is-sena. Ix-xogħlijiet jinkludu r-restawr tal-faċċata tal-kappella, il-faċċata u l-loġġa tal-Bazaar, il-kampnar, l-istatwa ta’ San Ġużepp, kif ukoll strutturi fil-livell tas-saqaf. L-għan ewlieni tal-proġett huwa li jiġu ppreservati l-integrità arkitettonika u l-valur storiku ta’ dawn il-binjiet.

 

Preżenti waqt din iż-żjara kien hemm ukoll il-Perit Stephen Serracino Inglott li huwa responsabbli mix-xogħlijiet u s-Sindku ta’ Ħal Tarxien Joseph Abela flimkien mal-Kunsilliera.



 




 

Comments


bottom of page