top of page

Jibda taħriġ għar-rekluti l-ġodda fil-LESA



Fl-1 ta’ Mejju li għadda sar l-ewwel pass importanti biex tibda ssir riforma fi ħdan il-gwardjani lokali. Dakinhar il-gwardjani lokali ġew trasferiti kollha fi closed department mal-Aġenzija Governattiva,  LESA. Aktar ’il quddiem l-isem ta’ gwardjani lokali nbidel għal uffiċjal tal-komunità, inbidlu l-uniformijiet u f’Jannar li għadda l-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura l-uffiċini l-ġodda tal-LESA fil-Fgura. Dawn kienu l-ewwel passi kruċjali għal bidla pożittiva fi ħdan l-uffiċjali tal-komunità.


Ftit jiem ilu beda wkoll it-taħriġ għar-rekluti l-ġodda fil-LESA. Dan it-taħriġ se jdum għaddej għal 9 ġimgħat. B’kollox dan it-taħriġ għandu 16-il trainee, 10 irġel u 6 nisa. It-taħriġ huwa mqassam bejn dak teoretiku li jinvolvi fost l-oħrajn; id-dixxipplina, l-apparenza personali, tagħlim dwar il-liġijiet relatati mad-doveri tal-uffiċjali u superviżjoni fil-komunità. Dak prattiku jinvolvi fost l-oħrajn; it-taħriġ fiżiku, self-defence bażiku, immaniġġjar tat-traffiku u taħriġ fuq użu ta’ apparat modern. F’Mejju li ġej se jkun hemm 11-il kandidat ieħor li se jibdew dan l-istess taħriġ. Barra minn hekk fiż-żmien li ġej se tinħareġ ukoll sejħa oħra.


Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia, flimkien mal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis żaru l-Akkademja għall-Korpi Iddixxiplinati.


Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal li hija ta’ importanza kbira li jkun hemm kooperazzjoni bejn setturi differenti, u huwa għalhekk li l-Akkademja għall-Korpi Iddixxiplinati fetħet il-bibien tagħha sabiex toffri taħriġ lill-uffiċjali tal-LESA. Huwa saħaq li l-uffiċjali tal-LESA ser ikunu qed jgħinu lill-Pulizija f’dak li għandu x’jaqsam ma’ osservazzjoni tal-liġijiet tat-traffiku, biex b’hekk il-Pulizija jkomplu jaħdmu għall-prevenzjoni u jassiguraw is-sigurtà f’pajjiżna.


Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici tkellem dwar l-importanza ta’ dan it-taħriġ. “L-uffiċjali tal-komunità jservu rwol intrinsiku fis-soċjetà tagħna, u dan it-taħriġ huwa ta’ benefiċċju kemm għalihom biex dawn jingħataw l-għodda essenzjali biex jagħmlu x-xogħol tagħhom bl-aħjar mod possibbli, kif ukoll għall-membri tas-soċjetà tagħna hekk kif qed naraw żieda fl-uffiċjali tal-komunità. Bħala Gvern aħna impenjati li nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-membri tal-komunità tagħna billi nkunu aktar qrib iċ-ċittadin,” stqarr il-Ministru Bonnici.


Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li l-għan ewlieni ta’ dawn il-bidliet huwa li nwasslu għal aktar serjetà fl-infurzar iżda wkoll għal aktar sens ta’ sensibilità. Fil-fatt issa l-infurzar lokali m’għadux biss limitat għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku iżda qed jimraħ ukoll f’oqsma importanti oħra bħal dawk ambjentali u dawk edukattivi. Is-Segretarju Parlamentari Parnis għalaq billi awgura lil dawn ir-rekluti l-ġodda li fi ftit ġimgħat oħra se jingħaqdu mal-bqija tal-uffiċjali preżenti.


L-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Aġenzija s-Sur Raymond Zammit qal li dan it-taħriġ, li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, qed isir minn persuni ntiżi sew fil-qasam tal-infurzar, fosthom persuni esperti tal-qorti.

Comments


bottom of page