top of page

Jibda x-xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata tat-tramuntana tal-Knisja Parrokjali taż-Żejtun




Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li d-Direttorat tar-Restawr li jaqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, beda x-xogħlijiet fuq il-faċċata tat-tramuntana tal-Knisja Parrokjali taż-Zejtun.


 Il-proġett issa daħal fit-tieni fażi tiegħu hekk kif is-sena l-oħra ġew restawrati 890 metru kwadru tal-faċċata tan-nofsinhar.


“Id-Direttorat tar-Restawr bħalissa għaddej b’għadd ta’ proġetti biex jirrestawra binjiet storiċi li jinsabu madwar Malta, speċjalment dawk li għandhom sinjifikat storiku kbir. Il-lokalitajiet tagħna huma mimlija b’binjiet u monumenti stratordinarji li huma xempju tal-istorja u l-kultura tagħna, u għandhom rwol intrinsiku fl-iffurmar tal-identità tagħna bħala Maltin. Permezz tar-restawr u konservazzjoni, mhux biss qegħdin nonoraw il-wirt tagħna, imma nistgħu niżguraw aktar aċċessibbiltà, speċjalment għal ġenerazzjonijiet futuri,” stqarr il-Ministru Owen Bonnici waqt l-indirizz tiegħu.


Bonnici għalaq billi qal li d-Direttorat tar-Restawr diġà ħadem f’70% tal-lokalitajiet tagħna, u rringrazzja lid-Direttorat u l-ħaddiema tal-isforzi tagħhom biex jirriġeneraw il-lokalitajiet tagħna u jpoġġu fuq quddiem l-importanza li jġorru magħhom dawn il-postijiet storiċi.

Din il-faċċata tal-knisja li qiegħda tiġi rrestawrata attwalment, hija kkaratterizzata minn partijiet estensivi ta’ tkabbir bioloġiku. Hija l-aktar faċċata ppreservata, minħabba li hija l-inqas waħda esposta għal tixrib u tnixxif.


Ix-xogħlijiet ta’ restawr u konservazzjoni se jinkludu t-tneħħija ta’ kisi b’bażi ta’ siment mill-faċċata. Il-ġebel se jiġi mnaddaf sew b’ilma distillat u jkun plastic repaired. Jekk il-ġebla tinsab li ma tkunx soda strutturalment, din se tinbidel. Id-dettalji arkitettoniċi li ntilfu u li jistgħu jiġu magħmula mill-ġdid minn evidenza eżistenti se jiġu mibdula, u fejn hu possibbli jsir bil-plastic repair. Il-wiċċ tal-ġebel se jitnaddaf bi pniezel apposta minn depositi, tbajja’ u tkabbir bioloġiku. Il-qoxra sewdenija preżenti se tiġi mnaddfa, mbagħad tingħata velatura biex l-apparenza tkun konsistenti. Il-qsim se jerġa’ jiġi mkaħħal b’taħlita ta’ ġir, u anka dawk il-fili li huma dgħajfa se jitneħħew u jiġu mkaħħla.



Comments


bottom of page