Wara esperjenza ta’ sittax-il sena minn meta ġie promulgat l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali u wara diversi konsultazzjonijiet pubbliċi, dan il-gvern qiegħed idaħħal fis-seħħ emendi illi li jirriflettu r-realtajiet tal-lum u l-isfidi li s-settur tal-patrimonju kulturali issa qiegħed jaffaċja kemm minħabba l-ambjent lokali kif ukoll minħabba r-realtajiet li qegħdin iseħħu ’l barra minn xtutna.
“L-emendi għall-Att dwar il-Patrimonju Kulturali huma neċċessarji sabiex jirregolaw aħjar il-professjoni tal-konservazzjoni-restawr u fornituri oħra ta’ servizzi kulturali u sabiex jagħmel provvedimenti fir-rigward tal-patrimonju kulturali ta’ taħt il-baħar,” saħaq il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.
Din il-liġi l-ġdida ser tkun qed tirregolarizza l-għoti tal-warrants lill-operaturi fil-qasam tal-konservazzjoni u restawr, hekk kif qabel kellna sitwazzjoni fejn il-warrants lill-conservators u r-restawraturi ma setgħux jinħarġu uffiċjalment minħabba nuqqasijiet fil-liġi oriġinali.
“Dan kollu qiegħed jsir sabiex nipprovdu standards ogħla fil-professjoni tal-konservazzjoni u r-restawr. B’hekk inkunu qed niżguraw li din il-parti tal-wirt kulturali qiegħda tiġi mħarsa b’mod professjonali,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.
Bidla oħra importanti hija l-inklużjoni tal-wirt kulturali li jinsab fil-baħar ta’ madwarna. Fil-fatt, minħabba li l-liġi kif kienet qabel ma kinitx tinkludi speċifikament il-wirt kulturali li jinsab fil-baħar, din il-liġi tintroduċi d-definizzjoni tal-wirt kulturali li jinsab fit-territorju ta’ madwarna u jagħti responsabbilitajiet lill-istituzzjonijet diversi inkluż l-ħtiega ta’ rappurtar meta tinstab xi ħaġa ta’ valur kulturali fl-ibħra ta’ madwarna.
Heritage Malta ser isir ukoll l-entità ewlenija illi wieħed irid jikkonsulta fuq bżonnijiet relatati mal-konservazzjoni u r-restawr. Heritage Malta ser tingħata l-mandat sabiex tagħti pariri lill-gvern u istituzzjonijiet oħra fir-rigward ta’ best practice fil-konservazzjoni tal-kollezzjoni nazzjonali.
Fost diversi emendi oħrajn, din il-liġi ser tindirizza wkoll diversi lmenti dwar il-possibbiltà ta’ aċċess għal rapporti ta’ skavi, billi tobbliga lis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali li tikkonkludi dawn it-tip ta’ rapporti fi żmien tliet snin.
Dan il-gvern jibqa’ kommess u impenjat illi jkompli jaħdem sabiex itejjeb u jħares dan is-settur li kulma jmur qiegħed dejjem jikber fl-importanza tiegħu.
Commentaires