top of page

Jiġu diġitalizzati mal-7,500 artefatt fi tliet snin permezz ta’ fondi Norveġiżi

Kitba meħuda mill-Orizzont (| Il-Ħamis 23 ta’ Frar 2023) paġna numru 6





Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett ilbieraħ żaru t-Taqsima tad-Diġitalizzazzjoni fi ħdan Heritage Malta, li twaqqfet fl-2021 biex tieħu ħsieb id-diġitizzazzjoni tal-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli fdat f’idejn Hertage Malta u tagħmlu aċċessibbli virtwalment għall-ġenerazzjonijiet kollha tal-preżent u tal-ġejjieni.


Il-fondi li ngħataw mill-EEA Norway Grants kienu jammontaw għal €2 miljun. Dawn il-flus intużaw mhux biss biex isir ix-xogħol ta’ restawr fil-Mużew Marittimu, iżda wkoll għat-twaqqif tat-Taqsima tad-Diġitalizzazzjoni fi ħdan Heritage Malta u x-xiri ta’ tagħmir modern li ppermetta li ssir id-diġitalizzazzjoni tal-wirt marittimu. Twaqqfet ukoll Collection Management System (CMS), fejn permezz ta’ software speċjalizzat isir il-katalogar ta’ dawn il-kollezzjonijiet.


Il-Ministru Owen Bonnici rrimarka kif id-diġitalizzazzjoni tiżgura aktar użu mifrux mill-ġenerazzjonijiet tal-preżent u tal-ġejjieni.


“L-għan tagħna kien li 3,600 artefatt jiġi diġitalizzat sal-aħħar tat-tielet sena. Dan issa qabeż b’mod sinjifikanti u bħalissa nsibu madwar 7,500 artefatt, id-doppju tal-mira li aħna kellna,” qal Dr Bonnici. “Se nkomplu nżommu l-Istorja bħala parti integrali minn ħajjet pajjiżna u se nkomplu nagħtuha l-importanza mistħoqqa,” spjega Dr Bonnici.


Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li bil-fondi Ewropej kif ukoll mill-Fondi Norveġiżi, qed nkomplu ninvestu fil-qasam kulturali biex il-patrimonju Malti jitgawda mhux biss mill-poplu Malti u Għawdxi imma anki mit-turisti.



Commenti


bottom of page