Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar il-ftuħ tal-applikazzjonijiet għall-Heritage Skills, li jinkludu l-ħiliet, l-abbiltajiet, u l-kompetenzi meħtieġa għat-tlestija ta’ xogħol speċifiku fl-isfera tal-patrimonju kulturali.
Il-Ministru Bonnici spjega li, bis-saħħa ta’ din l-inizjattiva, għall-ewwel darba se jkun hawn applikazzjonijiet li permezz tagħhom se jiġu rikonoxxuti dawk b’ħiliet f’sengħa jew artiġjanat patrimonjali. Huwa qal li b’hekk dawn is-snajja’ se jibqgħu jiġu żviluppati u salvagwardati.
“Il-ħiliet tal-patrimonju huma ta’ importanza kbira għaliex permezz tar-rikonoxximent ta’ dawn il-ħiliet se nkomplu nżommu s-snajja’ bħala parti integrali minn ħajjet pajjiżna u se nkomplu nagħtuhom l-importanza mistħoqqa,” qal il-Ministru Bonnici.
Applikazzjonijiet għall-Heritage Skills se jiġu aċċettati għal dawn l-oqsma segwenti:
(i) Ħiliet relatati max-xogħol fil-ġebla u derivanti tagħha;
(ii) Ħiliet relatati max-xogħol fl-injam;
(iii) Ħiliet relatati max-xogħol fit-tessuti;
(iv) Ħiliet relatati max-xogħol fil-karta;
(v) Ħiliet relatati max-xogħol fil-metall.
Fost ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex wieħed japplika għal Heritage Skill, huwa neċessarju li wieħed jippreżenta portafoll tax-xogħlijiet tiegħu (li jinkludi rapport dettaljat kif ukoll ritratti), kif ukoll li jippreżenta kwalifiċi akkademiċi jew professjonali. Hemm ukoll skeda ta’ numru minimu ta’ snin ta’ esperjenza li wieħed irid ikun għamel jipprattika din il-ħila.
Min hu interessat li japplika għandu jidħol fis-sit elettroniku tal-Bord tal-Warrant tar-Restawraturi: https://schmalta.mt/bord-tal-warrant-tar-restawraturi/ u jimla l-applikazzjoni sabiex ikun jista’ jibda l-proċess.
Comments