Illum, it-13 ta’ Jannar, fil-Knisja ta’ Bir Miftuħ fil-Gudja, saret iċ-ċerimonja tal-ftuħ uffiċjali tar-Reġjun Kulturali għas-sena 2023 li se jkun ir-reġjun tan-Nofsinhar. Din is-sena, il-kunsill reġjonali tan-Nofsinhar bil-kollaborazzjoni ta’ 12-il kunsill lokali fi ħdanu se jtellgħu programm kulturali li jiċċelebra l-wirt kulturali uniku ta’ dawn it-tnax-il lokalità.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli nedew il-logo uffiċjali li huwa simbolu li jirrappreżenta l-għaqda bejn it-12-il lokalità flimkien bħala reġjun.
Il-Ministru Bonnici sostna li apparti l-inizjattiva tar-reġjun kulturali, kull kunsill u reġjun għandu jkun impenjat li jsaħħaħ il-kultura fil-lokalità u reġjun rispettiv, hekk kif definit fl-istrateġiji kulturali reġjonali diġà mħabbra u li huma bbażati fuq il-prinċipji u l-għanijiet tal-politika nazzjonali tal-kultura.
“Dan il-programm se jgħin biex ikun hemm il-parteċipazzjoni ta’ bosta prattikanti fis-settur kulturali u artistiku u jħalli legat xieraq fil-komunitajiet tagħna, għaliex kommessi li nkomplu nixprunaw il-kultura,” temm jgħid Dr Bonnici.
Ir-reġjun tan-Nofsinhar ingħata €250,000 mid-Direttorat għall-Gvern Lokali, Strateġija u Implimentazzjoni ta’ Policy, bħala finanzjament għall-implimentazzjoni tal-programm kulturali tar-reġjun kulturali ta’ din is-sena. Min-naħa tiegħu, ir-reġjun se jikkontribwixxi €25,000 għall-istess għan.
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli qalet li permezz ta’ dan il-programm kulturali, il-lokalitajiet tan-Nofsinhar se jkollhom l-opportunità li jsaħħu l-identità tagħhom mhux biss fil-qasam kulturali, iżda anke fil-qasam ekonomiku u fis-settur turistiku.
“Id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali din is-sena se tkompli tinvesti f’attivitajiet kulturali u soċjali addizzjonali lil hinn mill-attivitajiet ippjanati għar-reġjun kulturali tan-Nofsinhar,” saħqet is-Segretarju Parlamentari. Hija temmet id-diskors tagħha billi awgurat kull suċċess għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm kulturali u ħeġġet lil pubbliku biex jattendi u jipparteċipa fl-attivitajiet u inizjattivi li għandu preparati ir-reġjun.
Il-President tar-Reġjun is-Sur Jesmond Aquilina spjega li l-għan ewlieni tal-programm kulturali huwa li jesponi s-sabiħ ta’ kull belt u raħal fi ħdan ir-reġjun. “Din is-sena ser tinvolvi ħidma kollettiva sabiex il-kultura tagħna mhux biss ikollha aktar għarfien imma tkompli tissaħħaħ u tifjorixxi, permezz tal-artisti, nies tas-snajja u kull min għandu x’joffri għall-kultura tagħna,” temm jgħid is-Sur Aquilina.
It-tnax-il lokalità li jagħmlu parti minn dan ir-reġjun jinkludu l-lokalità tal-Gudja, iż-Żejtun, Ħal Qormi, Birżebbuġa, Ħal Għaxaq, il-Ħamrun, Ħal Luqa, il-Marsa, Marsaskala, Marsaxlokk, Santa Luċija u Santa Venera.
Għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti wkoll id-Direttur Ġenerali u d-Diretturi tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, is-sindki, il-kunsilliera u s-segretarji eżekuttivi tal-kunsilli lokali fi ħdan ir-reġjun tan-Nofsinhar.
Għal aktar informazzjoni fuq il-programm kulturali, żur is-sit regjunnofsinhar.org.
Comments