Beda x-xogħol ta’ manutenzjoni u restawr fuq il-Knisja ta’ San Bartilmew, li tinsab fiż-Żurrieq fl-inħawi magħrufa bħala tax-Xarolla, sabiex terġa’ lura għall-istat oriġinali tagħha. Ix-xogħlijiet, li qed isiru mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni, huwa mistenni li jitlestew sa Frar 2025.
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dan ix-xogħol ta’ restawr huwa kruċjali biex jibqa’ jiġi protett il-wirt storiku ta’ pajjiżna u jiġi ppreservat għall-ġenerazzjonijiet futuri.
“Il-Knisja ta’ San Bartilmew hija parti integrali mill-istorja u l-identità taż-Żurrieq, u huwa importanti li nagħtuha l-attenzjoni u l-kura meħtieġa biex tibqa’ sservi bħala post ta’ devozzjoni u tifkira storika. Kommessi li nkomplu bil-ħidma tagħna sabiex dawn il-knejjes ikomplu jiġu apprezzati u rikonoxxuti għall-valur kulturali tagħhom,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Oriġinarjament fuq dan is-sit kienet tinsab kappella iżgħar iddedikata lill-istess qaddis, mibnija fl-1482. Fl-1775, inbeda l-proċess biex tinbena knisja akbar u tlestiet fl-1784.
Ix-xogħlijiet relatati ma’ dan il-proġett ta’ restawr se jinkludu, fost oħrajn, li l-aperturi kollha tal-knisja se jiġu rranġati u miżbugħa mill-ġdid; se jiġi restawrat il-bieb prinċipali; se jsiru xogħlijiet ukoll fuq il-bejt tal-Knisja u l-koppla; se jsir tikħil mill-ġdid b’taħlita bbażata fuq il-ġir fuq il-faċċata tal-Knisja, magħżula biex taqbel mal-kulur tal-ġebla oriġinali u se jinbidlu ġebel deterjorati fejn huwa meħtieġ.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll is-Sindku tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq Rita Grima, membri tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq u l-Arċipriet Fr David Cardona.
Commenti