La jitlesta l-proġett, il-Kunsill Lokali tal-Marsa se juża dan l-ispazju għal għanijiet kulturali u kreattivi
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli ħabbru proġett ta’ restawr tal-Marsa Tram Power Station, bil-għan li kif jintemm dan ir-restawr il-binja tibda tintuża mill-Kunsill Lokali tal-Marsa bħala post kulturali u kreattiv.
Il-Ministru Owen Bonnici spjega kif b’investiment ta’ €1 miljun il-Gvern se jkun qed jirrestawra l-Marsa Tram Power Station biex isservi ta’ monument arkitettoniku u mafkar tal-wirt industrijali tal-Marsa u ta’ pajjiżna.
“Dan l-ispazju, bħalissa mitluf, ser jingħata lura lill-komunità tal-Marsa u l-poplu Malti u Għawdxi mhux biss bħala mużew li jesponi l-istorja tat-tramm f’Malta iżda wkoll biex jintuża bħala ċentru artistiku u kulturali. Dan hu eżempju ieħor ta’ kif bis-saħħa tal-arti jinħolqu spazji pubbliċi ġodda li jingħataw lill-pubbliku għat-tgawdija ta’ kulħadd u tas-settur kreattiv,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li filwaqt li l-poplu tal-Marsa se jkollu post storiku rrestawrat, dan il-post ser ikun qed jintuża wkoll għar-rikreazzjoni sabiex jittellgħu attivitajiet kulturali u artistiċi fih. Hija qalet li bl-investiment tal-Gvern dan il-post se jerġa’ jieħu l-ħajja.
“Bħala Gvern se nkomplu nkunu ta’ spalla mal-Kunsilli Lokali sabiex ikollhom ċentri bħal dawn fil-lokalitajiet tagħhom u li minnhom mhux biss tgawdi l-komunità rispettiva iżda wkoll il-poplu kollu,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Is-Sindku tal-Kunsill tal-Marsa Josef Azzopardi qal li grazzi għar-restawr li se jsir se tiġi salvata l-binja tat-tramm. “Dan il-proġett huwa parti minn sensiela ta' restawr li l-Kunsill imbotta ’l quddiem fil-Marsa. Fil-fatt sar ir-restawr tal-Knisja ta’ Ċejlu, il-faċċata tal-biċċerija, il-faċċata tal-knisja ta’ Marija Reġina u bħalissa għaddej ukoll ir-restawr tal-faċċata tal-Knisja tat-Trinità. Ġaladarba din il-binja tiġi rrestawrata se tgħaddi għand il-Kunsill biex tintuża għall-ġid tar-residenti.”
Ix-xogħol se jinkludi rikostruzzjoni tal-boiler house u tas-saqaf tal-engine room fuq il-pjanti oriġinali, restawr tal-ħitan u l-blajjet tat-twieqi u l-bibien u r-restawr tal-aperturi tal-injam u l-ħadid.
Fil-bidu tas-seklu għoxrin, din iż-żona fil-Marsa kienet intgħażlet biex isservi bħala l-Malta Tram Depot. Kien inbena maħżen fejn kienu jinżammu l-karrijiet tat-tramm u jsiru t-tiswijiet meħtieġa u maġenbu nbniet l-engine house u l-boiler room li kienu jiġġeneraw l-elettriku meħtieġ. Is-servizz tat-tramm f’Malta ġie inawgurat fl-1905 b’numru ta’ kabini tat-tramm jitilqu proprju minn dan id-Depot fil-Marsa u jagħmlu triqthom lejn il-Belt.
Preżenti kien hemm ukoll diversi membri tal-Kunsill Lokali tal-Marsa u kif ukoll rappreżentanti tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.
Yorumlar