top of page

Jingħata bidu għax-xogħol ta’ restawr fuq il-Bastjun ta’ San Pawl, parti mis-swar tal-Kottonera



 

Bdiet l-ewwel fażi ta’ restawr fuq il-Bastjun ta’ San Pawl li jifforma parti mis-swar tal-Kottonera u jħares fuq l-għelieqi ta’ Wied Blandun. Dan huwa l-bastjun li minn taħtu tgħaddi l-mina li minn Bormla twassal għal Għajn Dwieli. Din l-ewwel fażi tinkludi r-restawr ta’ tnejn mill-erba’ faċċati tal-Bastjun ta’ San Pawl, il-parapett u s-superior slope, kif ukoll il-pjattaformi tal-kanuni li jinsabu fuq dan il-bastjun.

 

Il-Bastjun ta’ San Pawl qiegħed jiġi restawrat mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Ix-xogħlijiet fuq dan il-bastjun, li bdew f’Lulju u mistennija jitlestew fis-sajf tas-sena d-dieħla, qed isiru b’investiment ta’ €700,000.

 

Dan tħabbar waqt konferenza indirizzata mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnci u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.

 

Il-Ministru Owen Bonnici esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-investiment li qed isir biex jibqa’ jiġi ppreservat dan is-sit storiku importanti.

 

Huwa enfasizza li dawn is-swar huma parti essenzjali mill-wirt kulturali ta’ pajjiżna u għandhom jiġu miżmuma għall-ġenerazzjonijiet futuri.  “Ir-restawr mhux biss qed isir biex irendi s-swar fis-sbuħija oriġinali tagħhom, iżda wkoll biex insostnu l-memorja storika tal-gżejjer tagħna,” qal Dr Bonnici. 

 

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli waqt l-intervent tagħha qalet, “Nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi għall-ħidma impekkabbli mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni fuq il-bastjuni u l-bibien, parti importanti mill-wirt patrimonjali ta’ Malta.”

 

“Dawn ix-xogħlijiet mhux biss iservu biex jippreservaw l-istorja rikka tagħna, iżda jippermettu lil kulħadd igawdi minn dan il-patrimonju uniku. Grazzi għall-isforzi kontinwi tal-ħaddiema dedikati f’dan il-qasam,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

 

Is-swar tal-Kottonera kienu sabu użu fi żmien l-imblokk tal-Franċiżi (1798-1800), fejn il-Franċiżi ngħalqu ġewwa l-Kottonera, l-Belt u l-Furjana, u l-Maltin dawruhom biex ma jħallu xejn jidħol u joħroġ. Fuq dan is-sur wieħed jista’ jsib numru sostanzjali ta’ daqqiet ta’ balal tal-kanuni sparati mill-batteriji tal-Maltin li kienu dawru l-Kottonera. Dawn il-marki huma parti mill-istorja tas-swar, u għaldaqstant qegħdin jiġu ppreservati bħala parti mill-memorja tal-post.

 

Ir-restawr jinkludi t-tindif tas-sur, il-bdil tal-ġebel li ddeterjora b’mod li jista’ jikkawża problemi strutturali, ftuħ u mili tal-fili, tneħħija tal-ħaxix minn fuq is-sur u xogħol ta’ konsolidament u tiswija.   Ix-xogħol jinkludi wkoll it-tisħiħ strutturali tas-sur, inkluż fejn hemm il-blat mikxuf.  Il-pjattaforma tal-kanuni ta’ dan is-sur ġarrbet ħsarat notevoli fit-tieni Gwerra Dinjija u se tkun żarmata bil-galbu biex terġa’ tinbena bl-istess pavimentar antik.

 

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll is-Sindku Marco Agius u l-Kunsill Lokali ta’ Bormla flimkien maċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera, Joe Mizzi.



 





 

Comments


bottom of page