Nhar is-Sibt 25 ta’ Ġunju se jirritorna l-Valletta Pageant of the Seas fil-Port il-Kbir, spettaklu varjat iddedikat lit-80 anniversarju mill-wasla tal-konvoj, magħruf bħala ta’ Santa Marija, nhar il-15 t’Awwissu 1942.
Dan l-avveniment, li jsir kull sentejn u li sab postu fil-kalendarju tal-Port il-Kbir, tħabbar illum waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien maċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef. Għall-ewwel darba minn wara l-pandemija, il-pubbliku huwa mistieden jsegwi l-avveniment f’Xatt il-Barrieri, il-Belt Valletta.
“Kemm hi ħaġa sabiħa li jittellgħu avvenimenti bħal dawn, u li qed nibqgħu nżommu l-kultura ħajja. Wara waqfa ta’ sentejn, nistgħu nerġgħu nagħtu spinta u nagħtu ħajja mill-ġdid lill-wirt kulturali u l-identità tagħna l-Maltin,” stqarr il-Ministru Owen Bonnici.
Iċ-Chairman Jason Micallef sostna li “Ser jirritorna bil-kbir l-ispettaklu Valletta Pageant of the Seas, b’aċċenn partikolari fuq il-Konvoj ta’ Santa Marija. Inħeġġu lil kulħadd biex jattendi f’Xatt il-Barrieri biex isegwi l-programm li ser jittella fuq l-art u fuq il-baħar.”
L-attivitajiet se jibdew fit-8:00 ta’ filgħaxija bit-Tellieqa Telliqun - kompetizzjoni divertenti fil-Port il-Kbir bejn numru ta’ timijiet li se jtellqu l-inġenji tal-baħar li jkunu bnew huma stess mingħajr l-użu ta’ imqadef, magni jew għajnuna oħra. Kull inġenju tal-baħar se jkun imsemmi għall-vapuri tal-forzi navali Ingliżi li kienu preżenti fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija.
Is-serata mbagħad tissokta b’kunċert ta’ mużika popolari mmexxija minn Maestro Paul Abela bis-sehem ta’ The Palace String Orchestra taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Ryan Paul Abela, u b’effetti bid-dawl li ser jieħdu lill-udjenza lura fiż-żmien, għall-era tal-erbgħinijiet. Fl-istess ħin, ser issir ukoll edizzjoni speċjali tar-regatta bil-lejl bil-parteċipazzjoni ta’ sitt klabbs minn madwar il-Port.
Il-prestazzjoni ewlenija se tkun tikkonsisti f’esperjenza teatrali u awdjoviżiva taħt id-direzzjoni ta’ Lee N Abela, li se tesplora l-esperjenza tal-Maltin matul dawk iż-żminijiet, permezz ta’ projezzjonijiet fuq il-faċċata tal-Forti Sant’Anġlu u bis-sehem tal-Moveo Dance Comany kif ukoll ta’ atturi prominenti lokali fosthom Theresa Gauci, Paul Portelli, Charlotte Grech, Cassandra Spiteri u ħafna ohrajn.
Is-serata tagħlaq bil-kbir permezz ta’ installazzjoni bin-nar fuq il-baħar u spettaklu kbir tal-logħob tan-nar.
Dan il-proġett qed jittella bl-appoġġ ta' Visit Malta, il-Forzi Armati ta' Malta u Tug Malta.
Għal aktar informazzjoni dwar il-Valletta Pageant of the Seas u avvenimenti oħra żur vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.
Comments