Kitba meħuda mill-Orizzont (Il-Ġimgħa 2 ta’ Diċembru 2022) paġna numru 20.
Wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija, din is-sena se jkunu qed jirritornaw fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, iċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet se jibdew fl-10:00pm u jibqgħu għaddejjin sas-sigħat bikrin tas-sena l-ġdida.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u ċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef.
Il-Ministru Owen Bonnici sostna dwar kif dan il-programm imħejji għal Lejlet l-Ewwel tas-Sena fih varjetà ta’ artisti lokali eċċezzjonali. “Dan il-programm ma fihx biss varjetà mużikali iżda ser joffri l-opportunità lil diversi artisti biex juru t-talenti tagħhom fuq pjattaforma daqshekk kbira. Dawn l-aħħar sentejn kienu żminijiet li minħabba l-pandemija ma stajniex niċċelebraw tmiem l-Ewwel tas-Sena bħas-soltu. Imma fl-aħħar il-poplu Malti u Għawdxi jista’ jerġa’ jgawdi dan l-avveniment li hu tant għal qalb in-nies,” temm jgħid Owen Bonnici.
Iċ-Chairman Jason Micallef sostna li għal darb’oħra l-aġenzija se tkun qed ittella’ l-ikbar avveniment lokali ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena proprju fil-qalba tal-Belt Valletta. Is-Sur Micallef qal li “Wara sentejn ta’ pandemija, ħerqana biex nerġgħu naraw din il-pjazza mimlija ħajja, briju u mużika sabiex flimkien nagħlqu din is-sena u nagħtu merħba lis-sena l-ġdida.”
Il-lejla se tibda b’mużika minn Kurt Calleja and Band, segwit mill-mistiedna speċjali The Brass House Unit taħt it-tmexxija ta’ Kevin Abela, u minn diversi kantanti lokali stabbiliti fosthom Aidan Drakard, Amanda Marie, Brooke, Gloriana Arpa Belli, Jasmine, Kevin Paul Calleja, Ludwig Galea, Owen Luellen, Ozzy Lino, Pawlu Borg Bonaci u Tiziana Calleja.
Eżatt qabel il-countdown, The Brass House Unit se jingħaqdu flimkien mad-DJ lokali Debrii, sabiex iħejju l-folla miġbura fil-Belt Valletta kif ukoll lil dawk li se jkunu qed isegwu t-trasmissjoni diretta taċ-ċelebrazzjonijiet fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali minn ġewwa djarhom, għas-sena l-ġdida. Se jkun hemm ukoll logħob tan-nar sabiex tingħata merħba mill-isbaħ lis-sena l-ġdida. Iċ-ċelebrazzjonijiet jagħlqu b’set ta’ DJ Drey.
Ron, Taryn Mamo Cefai, Claire Agius Ordway u Clint Bajada se jkunu qed jippreżentaw din is-serata.
Iċ-ċelebrazzjonijiet Nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena huma organizzati minn G7 bi Ftehim ta’ Sħubija għall-Avvenimenti u Inizjattivi fuq Skala Kbira mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali l-Arti u l-Gvern Lokali.
Għal aktar informazzjoni, żur is-sit vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.
Comentários