Wara li dan il-Gvern ħabbar li kien se jibda bl-implimentazzjoni tal-bidliet imsemmija mill-Kummissjoni Venezja, illum skatta l-proċess leġiżlattiv hekk kif fil-Parlament sar l-ewwel qari tas-segwenti abbozzi:
L-Ewwel Qari tal-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att biex ikompli jwettaq Riformi fil-Qasam tal-Ġustizzja (Avukat Ġenerali)”
L-Ewwel Qari tal-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att biex ikompli jwettaq Riformi fil-Qasam tal-Ġustizzja (Pulizija)”
L-Ewwel Qari tal-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att biex ikompli jwettaq Riformi fil-Qasam tal-Ġustizzja (Kummissjonijiet Kostituzzjonali)”
L-Ewwel Qari tal-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att biex ikompli jwettaq Riformi fil-Qasam tal-Ġustizzja (Ombudsman)”
L-Ewwel Qari tal-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att biex ikompli jwettaq Riformi fil-Qasam tal-Ġustizzja (Servizz Pubbliku)”
Fir-rigward tal-abbozz ta’ liġi illi jirrigwarda l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali u li għandu l-għan illi jifred il-funzjonijiet ċivili minn dawk ta’ prosekuzzjoni ta’ dan l-Ufficcju, il-Gvern huwa kommess li dan jgħaddi mill-istadji leġiżlattivi parlamentari kollha sabiex isir liġi sa qabel il-ferjat tas-sajf.
“Il-fatt illi dan il-Gvern qiegħed jaġixxi f’inqas minn mitt jum mindu ġie ppubblikat ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja huwa indikazzjoni ċara tal-impenn u d-determinazzjoni illi dan l-istess Gvern għandu sabiex ikompli jwettaq riformi leġiżlattivi ewlenin”, stqarr il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.
“B’dawn ir-riformi għalhekk ser inkunu qegħdin nibdlu liġijiet illi bħala Gvern writna minn amministrazzjonijiet preċedenti u li wħud minnhom ilhom fis-sistema legali ta’ pajjiżna għal għexieren ta’ snin jekk mhux sekli”,kompla jgħid il-Ministru Owen Bonnici.
Dawn l-abbozzi li l-proċess tagħhom beda llum, jammontaw għal terz tal-bidliet imsemmija mill-Kummissjoni ta’ Venezja.
Dan kollu ser ikun qiegħed jikkumplimenta d-diversi riformi illi l-Gvern diġà implimenta fosthom:
It-tneħħija tal-preskrizzjoni minn fuq il-politiċi li jagħmlu atti ta’ korruzzjoni;
Ir-riforma Kostituzzjonali għas-settur tal-Ġustizzja li ntroduciet sistema aktar trasparenti fir-rigward tal-ħatriet tal-ġudikanti;
Il-liġi li tagħti protezzjoni lil whistleblower – liema liġi f’rapport iffinanzjat mill-UE riċentament ġiet klassifikata fost l-aqwa fl-Ewropa;
Il-liġi ġdida dwar il-media u l-malafama li tagħti libertajiet bla preċedent lill-espressjoni ġurnalistika u li għalqet il-kapitlu dwar il-libell kriminali;
It-twaqqif ta’ kumitat parlamentari li jagħmel skrutinju fuq l-iktar ħatriet pubbliċi regolatorji u diplomatiċi; u
L-introduzzjoni tal-liġi dwar l-finanzjamenti tal-partiti, fost oħrajn.
Dan il-Gvern, minkejja illi diġà għamel ħafna f’dak illi jirrigwarda r-rule of law, jibqa’ kommess illi jkompli bir-riformi legali pożittivi u neċessarji sabiex ikun assigurat illi ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jgħixu f’soċjetà fejn id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem ikunu mħarsa u ssalvagwardjati.
PR190613
Comments