Ġie mħabbar il-programm ta’ Spazju Kreattiv għas-sena 2023 u l-2024, staġun ġdid li jibni fuq il-pilastri strateġiċi tal-eċċellenza artistika, l-impenn komunitarju u l-internazzjonalizzazzjoni. Dan l-istaġun għandu aktar minn 520 avveniment li jinkludu 15-il forma kreattiva differenti, kollha mogħtija l-ħajja minn aktar minn 350 artist kollaboratur.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici enfasizza li bil-promozzjoni tat-talent lokali u l-espressjonijiet kulturali, jitrawwem sens profond ta’ appartenenza. Dr Bonnici qal, “Il-kultura għandha rwol fundamentali fit-tiswir tal-identità ta’ pajjiż u ħafna drabi titqies bħala r-ruħ tas-soċjetà. Hekk kif kull ġenerazzjoni tikkontribwixxi għall-esperjenzi u l-perspettivi tagħha stess, l-varji aspetti u karatteristiċi jsiru aktar kumplessi u b’ħafna aktar saffi differenti.” Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kreattività, Rupert Cefai, enfasizza l-importanza u d-dedikazzjoni biex bihom jiġu pprovduti opportunitajiet u appoġġ sod. “Hekk kif deħlin f’dan il-kapitlu ġdid, aħna nibqgħu dejjem iddedikati biex nipprovdu opportunitajiet u appoġġ lil dawk li se jkomplu jagħtu forma u jsaħħu s-settur kreattiv ta’ Malta fis-snin li ġejjin”, ikkummenta Cefai. Issa fir-raba’ staġun tiegħu bħala Direttur Artistiku, Daniel Azzopardi spjega kif Spazju Kreattiv baqa’ l-promotur ewlieni tad-dibattiti inklużivi u d-differenzi kreattivi u soċjali konvinċenti. Żied jgħid li dan il-programm ġdid jirrifletti l-istrateġija tagħna li qed tevolvi għall-futur, b'impenn imsaħħaħ lejn il-kurazija tal-avvenimenti li tippromwovi l-kwalità u toffri opportunitajiet lill-kollaboraturi biex isaħħu l-ħiliet tagħhom f'ambjent professjonali u stimulanti.
Spazju Kreattiv ikompli jżomm ismu bħala ċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kreattività f’Malta, billi jistieden kemm talenti emerġenti kif ukoll artisti esperjenzati biex jibdew din l-avventura artistika. Mhuwiex biss dwar l-osservazzjoni passiva; huwa dwar il-parteċipazzjoni attiva, l-esperjenzi immersivi, u t-traxxendiment tal-fruntieri biex titħaddan il-perspettiva globali. F’dan l-istaġun, il-programm huwa mfassal b’mod maħsub biex jilqa’ lil kull ġenerazzjoni, u jiżgura li kull anzjan bl-esperjenza tal-ħajja u kull adult żagħżugħ mimli enerġija, isibu posthom fuq il-mejda tal-kreattività. Għat-tfal, hemm wirjiet li jsaħħru u attivitajiet li jinvolvuk fihom taħt il-varjetà li joffri l-istaġun ta’ ŻiguŻajg. Barra minn hekk, permezz tal-fergħa Artists-in-Residency tagħna, artisti internazzjonali ser jikkollaboraw ma’ komunitajiet lokali minn madwar Malta u Għawdex, u joħolqu pontijiet ta’ konnessjoni kulturali li jintlaqgħu lil hinn minn xtutna.
Għal aktar informazzjoni żur is-sit tagħna www.kreattivita.org.
Comentários