Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern lokali Owen ħabbar id-dettalji tat-12-il edizzjoni tal-Valletta Baroque Festival li ser isir bejn il-11 u t-28 ta’ Jannar 2024.
Il-Ministru Bonnici stqarr li din l-edizzjoni se tkun waħda speċjali b’formazzjoni eċċezzjonali u wirjiet dinamiċi. “Fuq perjodu ta’ tliet ġimgħat, il-festival se jipprovdi esperjenza Barokka indimentikabli f’postijiet mill-isbaħ bħall-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Palazz Verdala, Palazzo Parisio, u Teatru Manoel. Dawn il-postijiet storiċi kollha għandhom stil Barokk, u huma imżejna b’dekorazzjonijiet mill-isbaħ, skulturi u pitturi karatteristiċi minn dan il-perjodu tant sabiħ,” qal il-Ministru Bonnici.
Il-Valletta Baroque Festival huwa meqjus bħala attrazzjoni għat-turiżmu kulturali. “Dan il-festival huwa wieħed importanti għal din l-aġenzija, għax apparti li jiftaħ is-sena kalendarja tagħna, huwa festival li huwa marbut sew ma’ pajjiżna. Qed ngħid dan għax huwa festival li jkompli jsaħħaħ l-identità tagħna li hija distintivament barokka, kif rappreżentata permezz tal-wirt, ċelebrazzjonijiet festivi, arkitettura u arti”, qal Aaron Zahra, iċ-Chairperson ta’ Festivals Malta.
Din hija t-tielet edizzjoni li Festivals Malta qiegħed jipproduċi minn mindu l-festival żdied mal-portafoll tal-aġenzija lura fl-2021. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius sostna li l-programm fih aktar minn 30 kunċert mifruxin fuq 3 ġimgħat, li qed isiru f’aktar minn 15-il post differenti madwar Malta. Kompla li l-programm jinkludi lista eċċezzjonali ta’ mużiċisti internazzjonali u artisti lokali.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Artistiku tal-festival Kenneth Zammit Tabona qal “Sa mill-bidu tiegħu, dan il-festival gawda minn reputazzjoni internazzjonali qawwija u stabbilixxa ruħu fost l-aqwa għaxar festivals tax-xorta tiegħu fl-Ewropa.” Huwa kompla billi ta spjega tal-programm ta’ din it-12-il edizzjoni.
Il-Festival ser jibda bl-oratorju ta’ San Ġwann ta’ Johann Sebastian Bach fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, mill-Valletta Baroque Ensemble u Kor Malta, taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Riccardo Bianchi. Il-festival ser jikkonkludi b’opra għat-tfal ta’ Pergolesi bl-isem ta’ La Serva Padrona bid-direzzjoni mużikali ta’ Sarah Spiteri, u direzzjoni tal-palk ta’ Jacob Piccinino. Il-festival għandu diversi stillel mużikali bħal Robin Pharo, Zefiro Ensemble, Alon Sariel, Holland Baroque with Wu Wei, Lucile Boulanger, Vox Luminis, u Les Contre-Sujets.
Wara s-suċċess tas-sena li għaddiet, ser jerġgħu jirritornaw The Rock Troupers flimkien mal-ProMużika Ensemble bil-proġett tagħhom BaRock li ser isir fit-Teatru Manoel. Il-festival ser jaħdem ukoll mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u uħud mill-ifjen pjanisti f’Malta li flimkien ser idoqqu il-Bach Keyboard Concertos.
Il-Valletta Baroque Festival qed jiġi organizzat minn Festivals Malta, b’kollaborazzjoni mat-Teatru Manoel u Visit Malta. Biljetti u iktar informazzjoni huma disponibbli fuq www.festivals.mt/vbf.
Comments