top of page

Jitħabbru d-dettalji tal-Valletta Green Festival 2023


Tħabbru d-dettalji dwar il-Valletta Green Festival 2023, l-avveniment annwali sinonimu mal-kalendarju kulturali Malti li se jittella’ bejn it-3 u s-7 ta’ Mejju 2023. Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli kienu preżenti għal din it-tnedija.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li dan il-festival jippromwovi l-kuxjenza ambjentali u l-għajxien sostenibbli. Huwa enfasizza l-importanza ta’ festivals ta’ dan it-tip fejn il-pubbliku jingħata pjattaforma biex isegwi aktar mill-qrib inizjattivi ambjentali fi sfond kulturali.

“Huwa wkoll inkoraġġanti li naraw diversi stakeholders jipparteċipaw f’dan il-festival. Dan juri biċ-ċar l-importanza tal-kollaborazzjoni u l-involviment tal-komunità fil-qalba tal-belt kapitali tagħna,” qal il-Ministru Bonnici.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li permezz ta’ numru ta’ entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża se jkomplu jqajmu aktar kuxjenza fost in-nies dwar l-immaniġġjar tal-iskart, il-protezzjoni ambjentali, l-ispazji ħodor u l-konservazzjoni tar-riżorsi.

“Attivitajiet bħal dawn iservu ta’ pjattaforma biex nibagħtu messaġġ b’saħħtu favur l-ambjent, is-sostenibbiltà u noffru aktar informazzjoni dwar il-ħidma li qed titwettaq minn diversi entitajiet filwaqt li l-viżitaturi jkollhom iċ-ċans jitgħallmu aktar dwar prattiċi sostenibbli,” qalet il-Ministru Dalli.

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef tenna li, “Il-Valletta Green Festival huwa wieħed mill-avvenimenti ewlenin fil-miftuħ tal-aġenzija. Dan il-festival juri biċ-ċar l-impenn tal-aġenzija li toħloq kuxjenza dwar l-ambjent mhux biss fil-proġetti u l-binjiet tagħha, iżda anke lil hinn.”

Din is-sena l-Valletta Green Festival se jinkludi ġnien fi Pjazza San Ġorġ li se joħloq vjaġġ maġiku f’waħda mill-akbar żoni miftuħa tal-belt kapitali. Se jkun hemm ukoll diversi stands fosthom minn Ambjent Malta, l-ERA, l-EWA (Water Be The Change), Project Green u l-Valletta Design Cluster. Fi Pjazza Tritoni se jkun hemm ir-Roadshow Truck tal-Wasteserv, filwaqt li fi Triq it-Teatru l-Antik se jkun hemm stands mill-ECO Market. F’diversi pjazez u postijiet pubbliċi madwar il-Belt se jkun hemm ukoll diversi prestazzjonijiet minn flash mob ta’ Dancel Dance Studio.

Għal aktar informazzjoni żuru l-websajt jew il-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.








Komentar


bottom of page