top of page

Jitħabbru l-aħħar dettalji ta’ MUŻIKA MUŻIKA

Kitba meħuda mill-Orizzont (Il-Ġimgħa 10 ta’ Marzu 2023) paġna numru 13.



Mużika Mużika qed jirritorna għat-tielet sena konsekuttiva. Dan il-festival prestiġjuż se jerġa’ jirritorna bejn it-23 u l-25 ta’ Marzu li ġej b’20 kanzunetta oriġinali bil-Malti.


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet ħab­­bar li bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti loġistiċi fosthom il-bini tal-palk, il-kordinament tal-provi artistiċi, u teknikalitajiet oħra biex għal darb’oħra dan il-festival ikun wieħed ta’ suċċess.


Il-Ministru Bonnici qal: “Mużika Mużika sar meqjus bħala wieħed mill-aqwa festivals tal-mużika lokali. Sa mill-ewwel edizzjoni tiegħu kiseb ir-rispett ta’ bosta kantanti, kompożituri, awturi lokali, u saħansitra anke tal-udjenza”.


“Minn qalbi nixtieq infaħħar lit-tim organizzattiv għax-xogħol tajjeb li qed isir. Irridu nkomplu ninvestu f’dan il-festival li jservi wkoll bħala pjattaforma fejn l-artisti jesponu t-talenti tagħhom bil-lingwa Maltija li hi tant għażiża għalina, u kif għamilna fis-snin preċedenti, aħna se nkomplu naħdmu qatigħ biex dan il-Festival ikompli jkun ta’ suċċess sena wara sena u jibqa’ jkun appuntament annwali,” qal Dr Bonnici.


Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala tkellmet fuq is-suċċess u r-rispons posittiv li ta’ kull sena jiġġenera dan il-festival, li tant huwa għal qalb il-Maltin. “Meta lura fl-2021 Festivals Malta ġie fdat b’Mużika Mużika, għalkemm kont naf li dan il-festival se jinżel tajjeb mal-poplu Malti għaliex kien hawn għatx kbir għalih, qatt ma bsart li se jasal s’hawn. Il-festival kiber u żviluppa b’rata mgħaġġla u ntlaqa’ tajjeb ħafna, kemm mill-udjenzi, kif ukoll minn diversi artisti u tekniċi li ta’ kull sena juru l-interess li jkunu parteċipi f’din il-produzzjoni,” qalet Stivala.


Id-Direttur Artistiku ta’ Mużika Mużika Mro Paul Abela qal: “Bħal kull sena, Mużika Mużika se joffri tliet serati ta’ Mużika Maltija tal-ogħla livell. Ma nistax inkun aktar kuntent bil-kanzunetti li hemm preparati għal din is-sena u b’wiċċi mill-quddiem ngħid li l-istandard tal-kanzunetti qiegħed dejjem jitjieb.


Din is-sena se naraw ukoll uċuħ familjari mal-mużika lokali fl-ewwel u fl-aħħar serata, Ira Losco li żgur ma trid l-ebda introduzzjoni b’suċċess lokalment u internazzjonalment, kif ukoll Kurt Calleja li rebaħ l-edizzjoni li għaddiet, u Kantera li tista’ tgħid saru sinonimi ma’ dan il-festival.”






Comentários


bottom of page