top of page

Jitlesta l-proġett ta’ restawr tal-Istazzjon tal-Ferrovija fil-Ħamrun



 

Il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun lesta l-proġett ta’ restawr u konservazzjoni tal-Istazzjon tal-Ferrovija fil-Ħamrun. Dan il-proġett sar b’investiment ta’ madwar €250,000 permezz ta’ fondi Ewropej u fondi nazzjonali.

 

l-Istazzjon tal-Ferrovija fil-Ħamrun iservi bħala l-kwartieri ġenerali tal-Ħamrun Scouts Group, li ilhom jokkupaw dan il-post sa mill-1968. Il-valur ta’ wirt kulturali tas-sit dejjem ġie apprezzat u l-Iscouts Group irrikonoxxa d-dmir u r-responsabbiltà li jara l-konservazzjoni u ż-żamma tal-post.

 

Dan il-proġett kien jinkludi xogħlijiet ta’ konservazzjoni u restawr biex il-post ikun aktar sigur u attraenti. Saret ħidma relatata ma’ soqfa, dawl, tindif ta’ ħitan, fost xogħol ieħor.

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega kif il-viżjoni għal dan is-sit huwa biex jservi kemm il-missjoni tal-Iscouts, kif ukoll biex jsaħħaħ l-aspett storiku tas-sit u l-apprezzament tiegħu fuq livell lokali u nazzjonali. “It-twettiq ta’ dan il-proġett ser iwassal għal titjib fl-aċċessibbiltà ta’ dan il-wirt kulturali nazzjonali għall-pubbliku,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret l-impenn tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun li għaraf il-bżonn li jsir xogħol ta’ manutenzjoni u restawr fuq din il-binja. Hija spjegat li permezz ta’ dan l-investiment, ġenerazzjonijiet futuri ser ikunu jistgħu japprezzaw il-wirt storiku lokali tal-Ħamrun.

 

Is-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut qal li “Permezz ta’ dan l-investiment ħloqna spazju ieħor fil-Ħamrun biex ir-residenti, il-pubbliku u anke t-turisti jkollhom attrazzjoni oħra tal-aqwa kwalità x’jaraw.  Kommessi li nkomplu bil-ħidma biex dan il-post ikompli jiżviluppa f’attrazzjoni unika. Dan il-proġett huwa ħolqa oħra parti mill-ħidma li qed jwettaq il-kunsill bħala parti mir-riġenerazzjoni tal-Ħamrun”.



 



 

Comments


bottom of page