Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar it-tlestija ta’ proġett ieħor ta’ restawr, hekk kif il-kappella ta’ San Klement fiż-Żejtun, li kienet inbniet fl-1658, issa ġiet kompletament restawrata mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni.
Il-Ministru Bonnici spjega kif dan hu proġett ieħor minn kullana ta’ proġetti ta’ restawr li qed jiġu implimentati mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni. Huwa fakkar kif dan il-proġett sar permezz ta' skema li kienet tnediet lura fl-2015 u permezz tagħha s’issa tlestew ’il fuq minn ħamsin proġett bl-involviment tal-Kunsilli Lokali.
“Dan hu proġett ieħor li qed nagħmlu id f’id mal-kunsilli lokali tagħna fejn qed nirrestawraw postijiet li jindikawlna huma stess bi skema apposta u fil-fatt il-Kunsill Lokali taż-Żejtun kien indikalna l-Kappella ta’ San Klement li ġiet irrestawrata,” spjega l-Ministru Bonnici, waqt li tenna b’sodisfazzjon li l-proġett se jkun jista’ jerġa’ jitgawda mill-pubbliku fil-festa tradizzjonali ta' San Girgor.
Il-Perit inkarigata mix-xogħlijiet Ivana Farrugia spjegat kif ix-xogħlijiet kienu jinkludu r-restawr tal-istruttura esterna tal-knisja, jiġifieri tas-saqaf, tal-ħitan ta’ barra u taz-zuntier tal-istess knisja. Kompliet tispjega li fost l-interventi li saru, sar tindif tal-faċċata, tikħil mill-ġdid tal-fili, l-aperturi tal-injam ġew restawrati, saret replika tas-salib fuq il-kampnar li kien jinstab fi stat ħażin, saru mill-ġdid ukoll it-tliet tarġiet li jagħtu aċċess għaz-zuntier, u saru wkoll xogħlijiet fuq l-istruttura eżistenti tas-saqaf.
Preżenti għall-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett kien hemm is-Sindku Doris Abela flimkien ma’ diversi membri tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun u l-Arċipriet taż-Żejtun Dun Anton Galea Scannura li lkoll faħħru l-ħidma li saret f’dan il-proġett.
Comments