top of page

Jitlesta r-restawr tal-Kappella ta’ San Filippu u San Ġakbu f’San Ġwann





Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici inawgura x-xogħlijiet ta’ restawr li saru fuq il-Kappella ta’ San Filippu u San Ġakbu, magħrufa aħjar bħala Tal-Propostu, f’San Ġwann. Din il-kappella hija waħda mit-tlettax-il proġett mill-iskema tal-Kunsilli Lokali 2022.


Il-proġett, li kien propost mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann, tlesta fi tliet xhur. Waqt żjara biex jinawgura x-xogħlijiet, il-Ministru Owen Bonnici qal li l-għan tar-restawr huwa li jiġi vvalorizzat il-wirt storiku taż-żona. “Postijiet storiċi li jinsabu fl-irħula u l-ibliet rispettivi huma sors ta’ kburija għall-komunitajiet, u dan ir-restawr ikompli jissalvagwardja dawk l-aspetti importanti tal-wirt tagħna,” qal il-Ministru Bonnici.


Il-Perit Roberta Mallia li kienet responsabbli mix-xogħlijiet tkellmet dwar ix-xogħol li sar, li kien jinkludi tindif tal-faċċata, tikħil ta’ fili, tiswija ta’ ġebel li ddeterjora, tiswija tad-deffun li jinsab fuq il-bejt u restawr tal-aperturi tal-injam. Il-Kappella ta’ San Filippu u San Ġakbu nbniet fil-bidu tal-1730. F’dokument li jmur lura għat-18 t’Ottubru 1732, il-Propostu ta’ Birkirkara Fr. Gaspare Giuseppe Vassallo ddikjara li kellha tinbena kappella fuq porzjon t’art magħrufa bħala Ta’ Wied Għomor. Il-kappella ġiet trasferita lill-Parroċċa ta’ San Ġwann lejn in-nofs tas-seklu 20 meta ġiet stabbilita l-Parroċċa tal-Kunċizzjoni.


Ix-xogħol ta’ restawr sar kollu mill-ħaddiema tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni. Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll is-Sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech.










Comments


bottom of page