top of page

Jitlestu x-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-faċċata tat-tramuntana tal-Knisja Parrokjali taż-Żejtun



Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, permezz tad-Direttorat tar-Restawr, lesta t-tieni fażi tar-restawr, li kienet tikkonsisti fil-faċċata tat-tramuntana tal-Knisja Parrokjali taż-Żejtun u li tlestiet f’sitt xhur.


It-tieni fażi rat intervent ta’ restawr fuq 650 metru kwadru, b’investiment ta’ €150,000. Dan wara li tlestiet l-ewwel fażi li kienet tinvolvi r-restawr tal-faċċata tan-nofsinhar; 890 metru kwadru li tlestew fl-2018.


“Id-Direttorat tar-Restawr attwalment għandu 80 proġett li kollha qegħdin fi stadji varji. Dan it-tip ta’ impenn juri d-dedikazzjoni biex inħarsu u nsaħħu l-wirt lokali tagħna, minħabba li dan jifforma parti intrinsika mill-identità tagħna,” stqarr il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt iż-żjara tiegħu. “L-istrateġija tagħna hi li niżguraw li postijiet bħal dawn ikunu aktar disponibbli u aċċessibbli għall-pubbliku, u permezz ta’ restawr u interventi bżonnjużi, qegħdin nagħmlu dan għall-ġenerazzjonijiet futuri wkoll,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.


Din il-faċċata tal-knisja kienet ikkaratterizzata minn partijiet estensivi ta’ tkabbir bioloġiku. Hija l-aktar faċċata ppreservata, minħabba li hija l-inqas waħda esposta għal tixrib u tnixxif.

Ix-xogħlijiet ta’ restawr u konservazzjoni nkludew it-tneħħija ta’ kisi b’bażi ta’ siment mill-faċċata. Il-ġebel ġie mnaddaf sew b’ilma distillat u ġie plastic repaired. Fejn il-ġebla nstabet li ma tkunx soda strutturalment inbidlet. Id-dettalji arkitettoniċi li ntilfu u li setgħu ġew magħmula mill-ġdid minn evidenza eżistenti ġew mibdula, u fejn kien possibbli saru bil-plastic repair. Il-wiċċ tal-ġebel tnaddaf bi pniezel apposta minn depositi, tbajja’ u tkabbir bioloġiku. Il-qoxra sewdenija ġiet imnaddfa, imbagħad ingħatat velatura biex l-apparenza tkun konsistenti. Il-qsim reġa’ ġie mkaħħal b’taħlita ta’ ġir, u anka dawk il-fili li huma dgħajfa tneħħew u ġew imkaħħla.

Il-fażi ta’ xogħlijiet li jmiss se tkun fuq il-faċċata u l-kampnari, li jikkonsistu f’1,600 metru kwadru, b’investiment li hu stmat għal madwar €355,000. Ix-xogħlijiet huma mistennija li jibdew f’Ġunju ta’ din is-sena u se jieħdu madwar 12-il xahar.



Comments


bottom of page