Tnieda l-kalendarju ta’ attivitajiet li Heritage Malta se tkun qed torganizza matul it-tieni nofs tas-sena 2023, b’enfasi kbira fuq avvenimenti u esperjenzi li se jitgawdew minn nies ta’ kull età. Tħabbru wkoll l-attivitajiet għall-Programm tas-Sajf tal-Passaport tal-Istudenti.
Dawn id-dettalji ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha kien hemm preżenti l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.
Il-Ministru Owen Bonnici spjega li l-kalendarju ta’ Heritage Malta għas-sajf u l-ħarifa huwa mmirat għall-pubbliku inġenerali, b’total ta’ 52 attività li jvarjaw minn esperjenzi ta’ tagħlim sa wirjiet. Huwa faħħar b’mod partikolari l-Programm tas-Sajf tal-Passaport tal-Istudenti, fejn qal li dan jinkludi bosta attivitajiet interattivi għat-tfal ta’ kull età.
“Din is-sena t-temi tal-attivitajiet f’dan il-programm huma kollha marbutin b’xi mod jew ieħor mal-istorja naturali, u dan peress li s-sena 2023 tfakkar il-50 anniversarju mill-ftuħ tal-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali, li hu popolari ħafna fost it-tfal. Dan il-programm għandu l-għan ukoll li jżid l-aċċessibbiltà għall-wirt kulturali fost it-tfal u l-adolexxenti matul il-vaganzi tas-sajf,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar l-importanza li matul il-vaganzi tas-sajf, l-istudenti jibqgħu attivi, filwaqt li jgawdu wkoll ħin ta’ mistrieħ mistħoqq wara sena akkademika.
“Huwa importanti li l-istudenti jsibu ħin għal kollox, anki għall-attivitajiet bħal dawn, li filwaqt li huma attivitajiet li jkabbru l-għarfien, huma attivitajiet interattivi li fihom l-istudent jista’ jipparteċipa b’mod dirett. L-istudenti u l-adulti li se jakkumpanjawhom f’dawn l-attivitajiet żgur se jsibu xi ħaġa li tqanqal l-interess tagħhom, tixprunahom biex jgħinu fil-preservazzjoni tad-dinja naturali, u ssaħħaħ l-imħabba tagħhom għat-tagħlim fl-ambjent ta’ mużew, filwaqt li jkunu wkoll qed jitgħallmu,” temm jgħid il-Ministru Grima.
Min-naħa tagħha, Vanessa Ciantar, Assistant Manager ta’ Heritage Malta għall-Edukazzjoni u Avvenimenti Tematiċi, tat tagħrif dwar il-Programm tas-Sajf tal-Passaport tal-Istudenti għal din is-sena. Hija qalet li l-programm hu mmirat biex jolqot il-gosti ta’ studenti ta’ kull età.
“Għalkemm it-tema ewlenija se tkun l-istorja naturali, din se tiġi trattata minn aspetti differenti, bħall-arti, ir-rakkonti ta’ stejjer, il-ħolqien ta’ mudelli, ir-realtà virtwali, taħditiet, u esplorazzjoni ta’ għerien,” spjegat is-Sinjura Ciantar.
Studenti tas-Sitt Sena mill-Iskola Primarja tal-Birgu kienu preżenti waqt il-konferenza tal-aħbarijiet u ħadu sehem f’attività tipika tal-programm tas-sajf tal-istudenti fejn ħejjew u ħmew il-biskuttini tar-raħal.
Aktar tagħrif dwar il-kalendarju ta’ attivitajiet ta’ Heritage Malta jinsab hawn: https://issuu.com/heritagemt/docs/hm_events_calendar_july-december_.
Il-programm sħiħ tal-istudenti għal dan is-sajf jinsab hawn: https://heritagemalta.mt/whats-on/.
Comments