Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-kalendarju ta’ Heritage Malta b’aktar minn 70 attività għall-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, fejn qed tiġi preżentata għażla wiesgħa ta’ avvenimenti u esperjenzi li jistgħu jitgawdew minn nies ta’ kull età.
Waqt it-tnedija tal-kalendarju, il-Ministru Bonnici qal li dawn l-inizjattivi jservu ta’ opportunità sabiex iressqu lill-pubbliku lejn diversi aspetti tal-istorja u l-kultura Maltija.
“Dan il-programm tal-lum huwa ħolqa oħra minn ħidma sħiħa li twassal biex tingħata tifsira ġdida tal-aċċessibbiltà għall-patrimonju tagħna. Aktar minn hekk, tifsira ġdida lill-patrimonju li ma rriduhx ikun ġo vetrina biex inħarsu lejh u nistagħġbu bih biss imma ngħixuh u nħossuh għax huwa dak li jagħmilna bħala poplu,” qal Dr Bonnici.
Il-kalendarju, li jkopri l-perjodu sal-aħħar ta’ Ġunju, huwa immirat lejn it-tfal, iż-żgħażagħ, l-akkademiċi kif ukoll il-pubbliku ġenerali. L-attivitajiet ivarjaw minn esperjenzi ta’ gost u tagħlim għat-tfal għal wirjiet, rappreżentazzjonijiet minn atturi, attivitajiet għall-membri ta’ Heritage Malta, taħdidiet minn kuraturi, tours tematiċi, ftuħ speċjali ta’ siti magħluqin, dawriet fuq il-baħar, mixjiet b’tema storika, esperjenzi fl-ekwinozju, kif ukoll ikliet organizzati minn Taste History li hija l-fergħa gastronomika ta’ Heritage Malta.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li bħala l-protettur ta’ aktar minn 8,000 sena ta’ storja, l-aġenzija għandha l-missjoni li tħares il-wirt kulturali ta’ pajjiżna u tagħmlu aċċessibbli għal kulħadd, kemm fiżikament kif ukoll virtwalment, u b’hekk tikkontribwixxi biex l-identità kulturali ta’ Malta tkun apprezzata aktar.
“Dan huwa dak li Heritage Malta tipprova twettaq kuljum bl-aħjar mod possibbli, u dan huwa l-għan ewlieni tal-kalendarju ta’ attivitajiet,” spjega s-Sur Zammit.
Aktar tagħrif dwar l-attivitajiet ta’ Heritage Malta matul l-ewwel sitt xhur tas-sena jinsabu hawn: https://issuu.com/heritagemt/docs/hm_events_calender_issuu.
Comments