Kitba meħuda mill-Orizzont (Il-Ħamis 8 ta’ Settembru 2022) paġna numru 13.
Wara sentejn ta’ edizzjonijiet ridotti, in-Notte Bianca se terġa’ tirritorna nhar is-Sibt, l-1 ta’ Ottubru, mis-7.00 p.m. ’l quddiem. Dan permezz ta’ programm li jinkludi diversi forom tal-arti, bi preżtazzjonijiet tal-ogħla livell minn artisti lokali u internazzjonali.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega l-importanza tan-Notte Bianca għas-settur kulturali. “In-Notte Bianca huwa investiment dirett kontinwu fis-settur kulturali li qed ikompli jiżviluppa din il-pjattaforma b’mod li ssir aktar aċċessibbli għall-artisti u s-soċjetà tagħna,” qal il-Ministru Bonnici.
Huwa sostna li l-għan ewlieni jibqa’ li nrawmu fil-ħajja tan-nies il-kuxjenza u l-apprezzament għall-identità u l-kultura Maltija u tal-Belt Valletta, b’mod partikolari. Kompla jgħid li dan il-programm ma fihx biss varjetà ta’ avvenimenti iżda se joffri l-opportunità lil diversi artisti biex juru t-talenti tagħhom. Fil-fatt, b’kollox se jkun hemm 584 artisti u aktar minn 50 spettaklu differenti.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta s-Sur Aaron Zahra qal li għalkemm dawn l-aħħar sentejn in-Notte Bianca ma saritx fil-format oriġinali tagħha, Festivals Malta xorta waħda ħadmet biex toffri diversi attivitajiet kulturali u innovattivi li mxew mal-miżuri ta’ dak iż-żmien.
“Issa li n-Notte Bianca se terġa’ tirritorna għall-format oriġinali tagħha, Festivals Malta se tkompli taħdem biex dejjem tiżviluppa dan il-festival, filwaqt li toffri opportunitajiet lil diversi artisti lokali, filwaqt li tesponi lil Malta bħala destinazzjoni kulturali, u toffri divertiment u valur edukazzjonali u artistiku lill-udjenzi tagħna,” qal is-Sur Zahra.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala spjegat li bħal kull edizzjoni, in-Notte Bianca se ddawwal il-Belt Valletta għal lejla ta’ divertiment li tolqot il-gosti ta’ kulħadd. B’diversi avvenimenti għall-familja kollha li jinkludu l-mużika, iż-żfin, installazzjonijiet, u t-teatru, fost ħafna aktar. “Il-Belt Valletta se jkollha xi ħaġa għaddejja f’kull rokna, bil-palk prinċipali fi Pjazza San Ġorġ, prestazzjonijiet li jimxu mat-toroq, palk ta’ mużika alternattiva fi Ġnien Laparelli, u installazzjoni interessanti fi Pjazza Tritoni, fost ħafna inizjattivi oħra. Din tal-aħħar żgur li se tqajjem nostalġija għaliex se naraw diversi karozzi tal-linja antiki esebiti b’mod mhux tas-soltu,” qalet is-Sinjura Stivala.
Id-Direttur Artistiku tal-Festival Antoine Farrugia spjega li t-tagline ta’ din is-sena “Anything you want – you got it”, spirat il-jingle tal-festival, li hija cover version tar-ritornell tal-kanzunetta klassika ta’ Roy Orbison “You Got It”.
“Intgħażlet proprju din il-frażi biex nesprimu l-varjetà li se joffri dan il-programm. Il-Belt Valletta se tinxtagħal bl-attivitajiet differenti mat-toroq prinċipali bi programm li joffri xi ħaġa għal kulħadd. L-attivitajiet se jinqasmu f’diversi rotot, fosthom ir-rotta tat-tfal b’attivitajiet li se jibdew mill-4.00 p.m.; ir-rotta tal-mużika, li tinkludi ġeneri varjati fosthom jazz, blues, pop, rock u ħafna aktar; ir-rotta klassika; ir-rotta tat-teatru; ir-rotta taż-żfin; u r-rotta alternattiva, li se toffri mużika etnika bis-sehem ta’ Fakawi, Manatapu, Tribali, u Trakadum fi Ġnien Laparelli,” qal is-Sur Farrugia.
Comments