
Tnieda l-Programm Kulturali tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għall-2025, miżgħud b’attivitajiet varji u ta’ ġeneri differenti sal-aħħar tas-sena, fil-Belt Valletta.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi t-Tnejn filgħodu, tħabbar li fost il-produzzjonijiet ġodda se jittella’ l-kunċert ‘Ilħna li Jibqgħu: Klassiċi Maltin’, li jfakkar uħud mill-aqwa kantanti fl-istorja tal-mużika Maltija. Dan filwaqt li din is-sena se nassistu għal ‘TISBIT’, kunċert dinamiku tal-perkussjoni mill-istudenti ta’ The Clef House.
Matul il-Ġimgħa Mqaddsa se tittella’ installazzjoni tradizzjonali permezz ta’ mijiet ta’ fjakkoli fi Pjazza San Ġorġ u se nassistu wkoll għal produzzjoni mtellgħa mill-personalitajiet teatrali magħrufa Joseph Galea u Carlos Farrugia, fi Splendid.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-programm kulturali għas-sena kurrenti tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta huwa pass ieħor biex inkomplu nsaħħu s-settur kulturali u nsebbħu l-belt kapitali tagħna. Huwa saħaq li dawn l-inizjattivi mhux biss joffru spazji għal espressjoni artistika u kreattività, imma jkomplu jattiraw aktar viżitaturi u jsaħħu l-ekonomija kreattiva.
“Il-Belt Valletta hija ġawhra ta’ wirt u kultura, u permezz ta’ dan il-programm se niżguraw li tibqa’ ċentru vibranti ta’ attivitajiet artistiċi u kulturali għall-Maltin u l-Għawdxin u t-turisti li jżuruna,” tenna l-Ministru Bonnici.

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef tenna li “l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fasslet programm dettaljat biex toffri varjetà ta’ attivitajiet li jiċċelebraw il-wirt artistiku tagħna filwaqt li jilqgħu espressjonijiet kreattivi ġodda. Minn produzzjonijiet mużikali b’saħħithom bħal ‘Ilħna li Jibqgħu: Klassiċi Maltin’ għal esperjenzi immersivi u festivals fuq skala kbira, dan il-programm juri l-impenn tagħna li nkomplu nsaħħu l-programm kulturali għall-Belt Valletta. B’enfasi fuq il-kollaborazzjoni u l-innovazzjoni, ċertament se noħolqu mumenti kulturali sinifikanti għall-udjenzi tagħna matul is-sena kollha.”

L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Catherine Tabone spjegat kif “Wara s-suċċess tar-Requiem ta’ Verdi f’Novembru li għadda, l-avvenimenti fi żmien il-Milied u l-produzzjoni tal-opra l’Alpino fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-Programm Kulturali għall-2025 jirrifletti l-missjoni tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta li toħloq esperjenzi artistiċi sinifikanti li jinvolvu, jispiraw u jgħaqqdu lin-nies.”
“Din is-sena, se nkomplu nisfidaw il-konfini kreattivi bi produzzjonijiet ġodda, avvenimenti fuq skala kbira u kollaborazzjonijiet uniċi li jsaħħu r-rwol tal-Belt Valletta bħala ċentru kulturali. Għalhekk, nistiednu lill-udjenzi biex jingħaqdu magħna u jgħixu l-enerġija artistika tal-Belt kapitali tagħna,” qalet is-Sinjura Tabone.
Il-11-il edizzjoni tal-Valletta Green Festival se tiġi ċċelebrata f’April u se jerġa’ jinħoloq ġnien mill-isbaħ fi Pjazza San Ġorġ filwaqt li wara s-suċċessi tas-snin li għaddew, il-Valletta Local Food Festival se jittella’ f’Lulju, din id-darba f’post differenti u akbar, il-Barrakka ta’ Fuq. Il-Programm Kulturali jinkludi bosta kollaborazzjonijiet oħra fuq skala kbira li ftit li xejn jeħtieġu introduzzjoni fosthom ‘Opera in the Capital’ u ‘Christmas in the Capital’, kif ukoll bosta esebizzjonijiet, kunċerti u produzzjonijiet teatrali. Lejn l-aħħar tas-sena l-Aġenzija tiftaħ l-esebizzjoni ‘Antler Cry’ li tippreżenta l-interpretazzjoni mill-ġdid ta’ Anthony Catania tal-leġġenda ta’ Actaeon. Il-programm ta’ Strada Stretta jkompli b’Legends of Strait Street, Kantawturi, Sferatika u Strettaçȁo.
Sadanittant, il-Valletta Design Cluster ikompli jwaħħad l-arti u d-disinn u jistieden lid-disinjaturi, studenti u kull min hu midħla tal-qasam biex jissieħeb f’dan il-programm ta’ taħditiet, korsijiet, attivitajiet tal-komunità u ħafna aktar. Fil-qalba tal-programm insibu Tinkering Day, il-FiftySix Design Talks, is-serje The Art of Making u numru ta’ sessjonijiet imtellgħa mill-membri tal-istudjows, fost ħafna aktar.
Għal aktar informazzjoni dwar l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-Programm Kulturali tagħha żur vca.gov.mt/mt/events u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija.
Comments