top of page

JITNIEDA L-VALLETTA LOCAL FOOD FESTIVAL



Kitba meħuda mill-Orizzont (Is-Sibt 8 ta’ Ottubru 2022) paġna numru 12


… ċelebrazzjoni tal-prodott tal-ikel u tax-xorb Malti



Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, nieda l-ewwel edizzjoni ta’ The Valletta Local Food Festival organizzata mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.


Il-Ministru Owen Bonnici qal li dan hu Festival bi programm li fih varjetà ta’ prodotti lokali u jiċċelebra l-ġmiel tal-prodott lokali.


“Se nkomplu naħdmu biex dan il-Festival jkun ta’ suċċess. L-għan ewlieni jibqa’ biex inrawmu fil-ħajja tan-nies il-kuxjenza u l-apprezzament għall-identità u l-kultura Maltija u li nħaddnu dak li jsawwarna,” sostna Dr Bonnici.


Id-Direttur Artistiku ta’ dan il-Festival qal li b’kollaborazzjoni ma’ diversi chefs professjonali oħrajn inħoloq menu varjat bi prodotti lokali u li jolqot lil kulħadd. Charles Bone sostna wkoll li kull min se jattendi se jingħata sorpriża hekk kif jidħol.


Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali Jason Micallef qal li dan il-Festival se jkun parti oħra mill-kullana tal-legat tal-Valletta 2018 u stieden lill-poplu Malti u Għawdxi u anki lit-turisti biex jattendu għal dan il-Festival u jiċċelebraw magħna l-prodott tal-ikel u x-xorb Malti.


Dan il-festival se jkun maqsum fuq tlett ijiem, mill-20 sat-22 ta’ Ottubru mis-7.30 p.m. ’l quddiem u l-għan tiegħu huwa li jservi bħala ċelebrazzjoni tal-prodott lokali. The Valletta Local Food Festival se jkun qiegħed isir fil-Valletta Design Cluster, li minn binja fi stat ta’ kważi abbandun illum saret binja tal-ogħla livell li tista’ titgawda minn kull min iżur il-belt kapitali tagħna.


Kull min se jattendi dan il-festival se jkollu l-opportunità li jduq ikel ta’ livell għoli msajjar minn Chefs professjonali kif ukoll iduq inbid, birra u liquors lokali, bil-partiċepazzjoni mużikali minn kantanti lokali stabbiliti.


Fost l-ikel li se jkun hemm waqt dan il-Festival insibu l-Majjal il-Forn, Roulade tat-Tiġieġ bil-Ħwawar, Roulade tal-Qargħa Aħmar kif ukoll bosta affarijiet oħra assoċjati ma’ Malta bħal Imqaret, Torti, Krustini, Għasel, Qagħaq tal-Għasel u Ġbejniet. Se jkun hemm ukoll inbid tal-ogħla kwalità kif ukoll birra maħduma hawn Malta.


Il-Valletta Local Food Festival huwa appoġġjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Għal aktar informazzjoni dwar The Valletta Local Food Festival żur il-website jew il-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.


Commentaires


bottom of page