Dan ix-xahar, fil-Belt Valletta se jerġa’ jirritorna l-Valletta Local Food Festival, li se joffri vetrina dinamika tal-kċina u l-kultura lokali, fejn min iħobb l-ikel jista’ jduq togħmiet awtentiċi filwaqt li jesplora t-talenti kulinari ta’ koki u artiġjani lokali.
Organizzat fl-isfond pittoresk tal-Valletta Design Cluster, il-festival se jittella’ nhar il-Ġimgħa, 18 u s-Sibt, 19 ta’ Ottubru mis-6.00 pm sal-11.00 pm u l-Ħadd, 20 ta’ Ottubru bejn l-10.00 am u l-5.00 pm, u se joffri atmosfera vibranti għal kulħadd.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal, “Il-Valletta Local Food Festival huwa xempju perfett ta’ kif it-tradizzjonijiet kulinari tagħna jgħaqqdu lin-nies u jikkontribwixxu għall-identità nazzjonali tagħna.”
“Bħala Gvern aħna nemmnu bis-sħiħ li dawn l-avvenimenti huma kruċjali biex inkomplu nippreservaw il-kultura u l-istorja tagħna permezz tat-togħmiet uniċi tal-gżira tagħna. Inħeġġeġ lil kulħadd biex jieħu sehem f’din l-esperjenza li mhux biss turi t-talenti lokali f’dan is-settur imma tgħaqqadna bħala komunità,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, qal “Il-Valletta Local Food Festival jiċċelebra l-qofol tal-kultura Maltija permezz tat-tradizzjonijiet kulinari vibranti tagħha. Din hija opportunità għalina biex naqsmu t-togħmiet li jiddefinixxu l-wirt tagħna u nġibu n-nies flimkien f’ċelebrazzjoni ta’ dak li jagħmel lil Malta unika.”
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Artistiku tal-Valletta Local Food Festival, Charles Bone, qal, “Il-Valletta Local Food Festival ta’ din is-sena joffri vjaġġ kulinari matul il-pajsaġġ gastronomiku Malti. Inħeġġu lil kulħadd biex jesperjenza t-talent, il-kreattività u l-passjoni tal-koki tagħna hekk kif jippreżentaw menù divers li jiċċelebra l-gżira tagħna u t-togħmiet eċċezzjonali tagħha.”
Il-kok Ronnie Caruana se jaħdem il-ħelu Malti u jaqsam l-għarfien dwar il-vjaġġ kulinari tiegħu. Il-viżitaturi jistgħu wkoll igawdu minn birer artiġjanali, inbid, ġobon, u żjut taż-żebbuġa. L-avveniment jinkludi mużika live, artiġjanat Malti, u workshop mill-Malta Accelerate għal kumpaniji ġodda dwar il-produzzjoni tal-ikel li ġej mill-biedja. Irreġistra llum biex tipparteċipa f’dan il-workshop interattiv fid-19 ta’ Ottubru.
Id-dħul huwa b’xejn. Dan l-avveniment huwa organizzat mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u appoġġjat minn Visit Malta. Għal aktar informazzjoni żur vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-VCA.
Comments