top of page

JITNIEDA PORTAL INTERATTIV ĠDID DWAR IR-REĠJUN TAL-KOTTONERA



Kitba meħuda mill-Orizzont (| Il-Ħamis 31 ta’ Ottubru 2024) paġna numru 20


 

Ġie varat portal interattiv ġdid dwar ir-reġjun tal-Kottonera bil-għan li jiġi offrut lill-pubbliku mod ġdid ta’ kif jesplora l-istorja u l-kultura għanja tat-tlett ibliet tal-Birgu, Bormla u l-Isla, kif ukoll il-Kalkara. L-isem tal-portal interattiv hu ’Tales of Kottonera’.

 

Il-portal il-ġdid, żviluppat minn Heritage Malta b’kollaborazzjoni ma’ Marketlink Ltd., fih minjiera ta’ riżorsi, fatti storiċi, rakkonti inqas magħrufa u kurżitajiet interessanti dwar dawn l-inħawi ikoniċi. Il-kontenut huwa mfassal għal diversi etajiet u udjenzi – minn tfal żgħar sa turisti u dilettanti tal-istorja.

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici rrimarka, “Dan il-portal il-ġdid jirrifletti d-dedikazzjoni tagħna għall-preservazzjoni kulturali, filwaqt li jiżgura li l-istejjer tal-Kottonera jilħqu udjenza wiesgħa. Jiċċelebra mhux biss il-meravilji arkitettoniċi u l-figuri storiċi tar-reġjun, iżda wkoll il-ħajja ta’ kuljum ta’ nies li sawru l-identità ta’ Malta matul is-sekli.”

 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, stqarret li “bit-tnedija ta’ Tales of Kottonera, qed insaħħu r-rabta tagħna ma’ dawn iż-żoni sinifikanti u nagħmlu l-wirt tagħna aktar aċċessibbli kemm għar-residenti Maltin kif ukoll għall-viżitaturi. Dan il-portal huwa eżempju sabiħ ta’ kif it-teknoloġija u l-istejjer jistgħu jingħaqdu flimkien, biex jispiraw lill-ġenerazzjonijiet futuri.”

 

Waqt it-tnedija tal-portal, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit ikkummenta, “B’ Tales of Kottonera, l-Aġenzija tkompli tnaqqas id-distakk bejn il-passat u lpreżent, u tagħti l-ħajja lill-istejjer vibranti tal-Birgu, l-Isla, Bormla u l-Kalkara għal kull età. Ridna nipprovdu esperjenza interattiva u immersiva li tistieden lil kulħadd jiskopri l-għeruq ta’ dawn l-ibliet straordinarji, u niċċelebraw it-tradizzjonijiet u r-reżiljenza li jiddefinixxu n-nies tar-reġjun tal-Kottonera.”

 

 Għal aktar informazzjoni żur talesofkottonera.com.

Comments


bottom of page