top of page

Jitnieda programm ta’ żvilupp artistiku maqsum f’erba’ skemi b’investiment dirett ta' €800,000



Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda programm ta’ Żvilupp Artistiku, mmexxi mill-Kunsill Malti għall-Arti, li se jinkludi erba’ skemi speċifiċi mmirati biex jkabbru l-iżvilupp tat-talent artistiku u komunitarju kemm għal pjattaformi lokali kif ukoll internazzjonali.


Dan il-programm ser jara erba’ skemi b’investiment dirett ta' €800,000. L-erbgħa skemi se jkun immirati għar-riċerka u l-innovazzjoni, skambju internazzjonali tal-Kultura, il-Project Support Scheme u Kultura TV.


Waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza stampa fil-kampus tal-Università fil-Belt Valletta, il-Ministru Bonnici spjega li din l-iskema hija fattur mportanti fl-iżvillupp tas-settur kulturali u dak kreattiv għaldaqstant dawn l-iskemi se jkunu qed jilħqu diversi artisti ġodda.


“Inkomplu ninvestu fil-kultura tagħna, inkomplu wkoll nagħtu sostenn lis-setturi kreattivi u kulturali fejn iktar artisti qed jingħataw l-opportunità jkabbru u jtejbu t-talenti tagħhom", qal il-Ministru Bonniċi.


Id-Direttur għall-Fondi u l-Istrateġija Mary Ann Cauchi qalet: “Dawn l-iskemi huma bżonnjużi, u għandna bżonn iżjed minnhom biex nkomplu nagħtu opportunità lill-artisti, kif ukoll support lill-kommunità – dan ukoll huwa l-għan tal-Kunsill Malti għall-Arti.”


Il-Proġett għar-riċerka u l-innovazzjoni se jkun qed jgħin gruppi u organizzazzjonijiet biex jippjanaw, jiżvilluppaw u jwettqu l-għanijiet strateġiċi li għandu l-Kunsill. L-iskema hija mmirata biex tinvesti fl-eċċellenza artistika, billi tinkoraġġixxi livelli ta’ riskju kreattiv, esperimentazzjoni, u impenn attiv tal-komunitajiet. Dan filwaqt li tappoġġja proġetti ta’ kwalità, kif ukoll tidentifika t-talent u tinkoraġġixxi l-iżvilupp tiegħu.


L-iskema tal-iskambju internazzjonali tal-Kultura hija parti integrali għas-setturi tal-kultura u l-kreattività. Din hija ffukata speċifikament għal Maltin li għandhom iktar minn 18-il sena biex jippromovu x-xogħlijiet tal-arti u l-produzzjonijiet kulturali tagħhom.


Project Support Scheme hija waħda mill-għodod ta' għajnuna għal individwi, gruppi jew organizzazzjonijiet biex ifasslu, jippjanaw u jiżviluppaw l-istrateġija kontinwa tal-Kunsill. Din l-iskema se tkun qed tinkoraġġixxi l-involviment attiv tal-komunitajiet, tippromwovi u tappoġġja wkoll id-diversità, l-inklussività u l-iżvilupp tal-komunità kif ukoll tagħti iżjed ċans tal-kollaborazzjonijiet u inklużjoni.


KulturaTV se tkun qed tagħti appoġġ għall-iżvilupp ambizzjuż fejn jidħol it-televiżjoni – fejn jingħataw għajnuna għal programmi kulturali, bil-possibiltà għal distribuzzjoni internazzjonali. L-għan hu li ninċentivaw u ntejbu l-kwalità tal-programmi televiżivi. Il-proġetti jistgħu jinkludu drama oriġinali, dokumentarji u programmi kulturali.


Stazzjonijiet privati liċenzjati mill-Awtorità Maltija tax-Xandir u kumpaniji awdjoviżivi reġistrati huma eliġibbli biex japplikaw għall-appoġġ kofinanzjat. Barra minn hekk, l-iskema għandha l-għan li tappoġġja t-traduzjoni ta’ letteratura u skripts oriġinali Maltin għal kwalunkwè lingwa oħra, inkluż sottotitoli, traskrizzjoni u captioning - għal films, dokumentarji kreattivi, drammi, drammi televiżivi, animazzjoni, skripts ta’ performance, libretti u video art.


Għal aktar informazzjoni tista' żżur is-sit web tal-Kunsill Malti għall-Arti, iċċempel fuq 2334 7230, jew tibgħat email fuq fundinfo@artscouncil.mt.








Commentaires


bottom of page