Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli nedew sitt strateġiji kulturali reġjonali, waħda għal kull reġjun.
Din hi l-ewwel darba li tnedew strateġiji kulturali għar-reġjuni ta’ pajjiżna.
L-istrateġiji kulturali reġjonali ġew żviluppati mir-Reġjuni l u ġew immexxija mill-Kunsill Malti għall-Arti f’kollaborazzjoni mad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali Malta.
Kull strateġija hija dedikata għal kull reġjun fi ħdan pajjiżna, u tiffoka fuq it-temi kulturali u l-prijoritajiet l-aktar importanti għar-reġjun innifsu, mill-2022 ’il quddiem.
Għaldaqstant, hemm sitt strateġiji kulturali reġjonali – Għawdex, Tramuntana, Lvant, Punent, Port u Nofsinhar li kollha jindirizzaw ir-reġjun speċifiku tagħhom.
“Il-kultura u l-arti rikka ta’ pajjiżna huma riflessi fl-istrateġiji kulturali reġjonali, li permezz tagħhom aħna qegħdin naħdmu għat-tisħiħ tas-setturi kulturali u kreattivi. B’inizjattiva ta’ dan il-livell, qegħdin inżidu l-aċċessibbiltà fis-settur, u nsaħħu l-professjonalizzazzjoni wkoll,” qal il-Ministru Bonnici waqt it-tnedija.
Dr Bonnici qal li, “L-istrateġiji ġew żviluppati wkoll mal-kunsilli lokali, mal-organizzazzjonijiet kulturali mhux governattivi, mal-organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi, mal-prattikanti kulturali u mar-residenti tal-lokalitajiet. Dan sabiex nimmassimizzaw mhux biss il-potenzjal tar-reġjuni, imma wkoll is-setturi kulturali u kreattivi”.
“Dawn is-sitt strateġiji kulturali ser ikunu ta’ gwida sabiex naċċertaw li l-programmi kulturali ta’ kull kunsill reġjonali jkunu mfassla b’tali mod li jiġu ċċelebrati it-tradizzjonijiet, it-talenti, il-karatteristiċi u l-elementi kulturali uniċi ta’ kull lokalità fi ħdan kull reġjun”, spjegat is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli. Hija faħħret l-impenn tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, tal-Kunsilli Reġjonali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali tal-kontribut tagħhom fit-tfassil tal-istrateġiji kulturali; filwaqt li awgurat lill-maniġers reġjonali tal-kultura l-ħidma t-tajba fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrateġiji.
L-istrateġiji huma mfassla minn 3 temi trasversali ewlenin għall-kultura madwar pajjiżna li huma l-iżvilupp tat-talent, l-involviment tal-udjenza, u l-innovazzjoni tal-wirt storiku. Dawn it-temi huma komuni għar-reġjuni kollha, u jintroduċu prijoritajiet speċifiċi għal kull reġjun.
Id-Direttur għal Fondi u Strateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti Mary Ann Cauchi qalet li, “L-istrateġiji se jwasslu għal qsim ta’ esperjenzi, għarfien u żvilupp ta’ aktar opportunitajiet u inizjattivi fi ħdan ir-reġjun u s-settur. Apparti minn hekk, bl-istrateġiji kulturali reġjonali qiegħda wkoll tiġi mwettqa l-viżjoni għall-Istrateġija2025 tal-Kunsill Malti għall-Arti, li l-arti tkun fil-qalba tal-futur tagħna.”
Is-sitt strateġiji kulturali reġjonali jinstabu fuq is-sit tal-Kunsill Malti għall-Arti, u wieħed jista’ jakkwista wkoll kopja tal-istrateġija mir-reġjun rispettiv minn Jannar 2023.
Comentários