
Ġie fi tmiemu l-Valletta Baroque Festival 2025, li ttella’ bejn id-9 u l-25 ta’ Jannar 2025 fejn hu stmat li attendew ’il fuq minn 5,000 persuna f’32 kunċert.
Il-festival ta’ din is-sena laqa’ fih udjenza minn madwar id-dinja kollha bi programm varjat li jiċċelebra mużika barokka, taħt id-direzzjoni artistika ta’ Kenneth Zammit Tabona fi ħdan Festivals Malta. Il-Festival inkluda wkoll lista ta’ artisti ta’ preġju li daqqu f’postijiet meraviljużi madwar Malta.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici rringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti fl-organizzazzjoni tal-Valletta Baroque Festival sabiex għal sena oħra kien ta’ suċċess kbir u kellu konkorrenza tajba ferm. Huwa faħħar il-ħidma li saret sabiex ittellgħu 32 kunċert u sostna fuq l-importanza ta’ dawn it-tip ta’ festivals li jattiraw kemm udjenzi lokali u barranin.
“Il-Valletta Baroque Festival ikompli jsaħħaħ lil Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza kulturali u artistika, fejn il-mużika barokka ssir il-pont li jgħaqqad lil udjenzi minn madwar id-dinja ma’ wirt artistiku imprezzabbli,” tenna l-Ministru Bonnici.
Il-festival fetaħ b’La Giuditta ta’ Alessandro Scarlatti, esegwita b’mod eċċellenti mill-Valletta Baroque Ensemble taħt it-tmexxija ta’ Steven Devine. Kunċert ieħor kien dak ta’ Lachrimae Lyrae, ippreżentat minn Sokratis Sinopoulos li ttella’ fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. Ittellgħu ukoll il-kunċerti The Mad Lover ta’ Thomas Dunford u Théotime Langlois de Swarte, u SIGNUM Saxophone Quartet’s bil-Bachianas. Filwaqt li s-sopranista Samuel Mariño ma’ Concerto de’ Cavalieri, ta spettaklu mill-isbaħ ġewwa t-Teatru Manoel.
Il-Malta Philarmonic Orchestra tellgħet il-kunċert Bach Violin Concertos, li fih ħadu sehem il-vjolinisti Charlie Siem u Carmine Lauri. Ittella’ wkoll kunċert f’għeluq it-80 sena ta’ William Christie mal-grupp tiegħu Les Arts Florissants, fejn ingħata ġieħ lil wieħed mill-akbar ikoni fix-xena tal-mużika barokk. Filwaqt li KorMalta tellgħet il-kunċert Messa Papae Marcelli. Il-kunċert Sound Explorers laqa’ udjenzi iżgħar fl-età fejn introduċa lit-tfal għall-mużika barokk u rawwem apprezzament fost il-ġenerazzjonijiet futuri.
Imtella’ madwar postijiet storiċi bħall-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Knisja ta’ Lapsi, u l-Palazz Verdala, il-festival sebbaħ il-valur kulturali ta’ Malta.
Comentários