top of page

Jitħabbru d-dettalji dwar il-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Presepji

64 presepist se jipparteċipaw f’dan l-avveniment




 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li wara li ngħalqu l-applikazzjonijiet għall-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Presepji, din is-sena b’kollox se jkun hemm 64 parteċipant. 

 

Dawn il-parteċipanti se jkunu maqsuma f’kategoriji diversi: Presepju mekkaniku kbir; Presepju statiku kbir; Presepju ta’ qies medju (mezzan); Presepju żgħir; Presepju Malti; Xogħol ta’ pasturi li jinħadmu lokalment minn 1ċm-20ċm; Xogħol ta’ pasturi li jinħadmu lokalment 20ċm ’l fuq u l-preparazzjoni u l-organizzazzjoni tal-postijiet fejn ħa jkunu esebiti dawn il-presepji.

 

Il-Ministru Bonnici spjega wkoll li din is-sena se terġa’ tiġi ġġenerata QR code, fejn in-nies li jixtiequ jżuru xi wirja jkunu jistgħu jagħmlu scan tal-QR code permezz tal-mobile u titla’ mappa ta’ Malta li turik fejn jinsabu l-presepji li applikaw għall-kompetizzjoni. “B’dan il-mod se niffaċilitaw aċċess aktar faċli għall-postijiet fejn hemm dawn l-esebizzjonijiet u nemmnu li l-QR code se tippermetti lid-dilettanti kif ukoll lill-viżitaturi biex isibu u jesploraw dawn il-wirjiet b’mod iktar faċli,” qal il-Ministru Bonnici.

 

“Ejja nħaddnu l-ispirtu tal-kreattività, tal-komunità u tat-tradizzjoni hekk kif naraw l-ideat u l-ħolm  jiżvolġu f’kull presepju preżentat, ejjew nippreservaw u nonoraw dan il-wirt kulturali intanġibbli li għandu post speċjali f’qalbna u fil-kultura tagħna il-Maltin,” temm jgħid il-Ministru Bonnici waqt li rringrazzja lid-Direttorat tal-Kultura tal-ħidma kbira li twettaq f’dan il-kamp.

 

Huwa qal dan waqt li kien qed iżur wirja tal-presepji fil-Knisja Parrokkjali taż-Żurrieq.

 

Kull Presepju fil-kompetizzjoni jrid ikun miftuħ għall-pubbliku mit-Tnejn, 16 ta’ Diċembru 2024 sal-Ħadd, 5 ta’ Jannar 2025. Il-ħinijiet tal-wiri għandhom ikunu bejn il-17.30 p.m. u t-20.30 p.m. mit-Tnejn sal-Ħadd. Il-Ħdud u l-Festi jkunu miftuħa wkoll filgħodu bejn l-10.00 a.m. u nofsinhar. Kull applikant jista’ jżomm il-post tal-wiri miftuħ f’ħinijiet itwal u jew ġranet aktar milli mitlub.

 





 

 

Commentaires


bottom of page