Fl-okkażjoni tas-60 sena anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta fil-21 ta' Settembru 1964, se jkun qed jittella’ kunċert mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Fid-dawl ta’ din l-okkażjoni speċjali din is-sena dan il-kunċert se jsir f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt Valletta.
Dan sabiex il-familji kollha Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jattendu għal dan il-kunċert mill-isbaħ fejn id-dħul se jkun kollu bla ħlas.
F’konferenza fejn ġie mniedi dan il-kunċert speċjali u ngħataw dettalji dwar avvenimenti oħra marbuta ma’ dan il-jum, ġie wkoll spjegat li fid-dawl ta’ dan l-anniversarju, il-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali ħadet ħsieb ukoll tħejji dokumentarju speċjali b'rabta ma' dan l-avveniment tant importanti li se jkun qed jixxandar fuq l-Istazzjon Nazzjonali.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-organizzazzjoni ta' dawn l-avvenimenti kommemorattivi li jfakkru mument storiku mill-iktar importanti fil-ġrajja ta’ Malta.
Il-ministru saħaq ukoll dwar l-importanza ta’ dawn l-avvenimenti li mhux biss ifakkru l-imgħoddi, iżda jgħinu biex il-ġenerazzjonijiet preżenti japprezzaw u jifhmu l-valur tal-għaqda u l-identità nazzjonali.
Huwa qal li huwa ta’ sodisfazzjon li jara kif Festivals Malta għan-nom tal-Kumitat Festi Nazzjonali qed jirnexxielhom iwasslu dawn iċ-ċelebrazzjonijiet b’mod professjonali u miftuħ għal kulħadd, li hu importanti biex l-istorja ta' pajjiżna tibqa' ħajja fost il-poplu.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra tkellem fuq l-aspett edukattiv u aċċessibbli fir-rigward ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.
“Dan l-aspett huwa ferm importanti għal Festivals Malta fejn jidħlu ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dawn il-festi importanti li sawru l-istorja ta’ pajjiżna. Apparti li ftaħna dan il-kunċert għall-pubbliku mingħajr ħlas fid-dawl tal-anniversarju ta' sittin sena mill-kisba tal-Indipendenza, il-kunċert ser ikun ukoll qed jintwera fuq l-istazzjon nazzjonali għal dawk li mhux ser ikunu preżenti fis-sala,” qal is-Sur Zahra.
“Mill-ġdid ser jintwera wkoll il-filmat ta’ Jum l-Indipendenza fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali li kien parti minn kampanja edukattiva mtella’ minn Festivals Malta dwar il-festi nazzjonali u wkoll se jixxandar dokumetarju ġdid li jagħti ħarsa lejn il-ġrajjiet tal-kisba tal-Indipendenza ta’ pajjiżna,” saħaq is-Sur Zahra.
Frans Agius, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, ħabbar iżjed dettalji fuq il-programm tal-kunċert. “Dan il-kunċert se jara s-sehem tal-Malta Philarmonic Orchestra taħt id-direzzjoni tal-Maestro Michael Laus, bil-parteċipazzjoni tal-mezzo sopran Marvic Monreal,” spjega s-Sur Agius.
Huwa qal li l-programm se jinkludi xogħlijiet tal-kompożituri Ludwig Van Beethoven, Georges Bizet, Charles Camilleri, u Alexander Vella Gregory fost oħrajn filwaqt li ħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi bi ħġaru.
Dan il-kunċert ser isir nhar il-21 ta’ Settembru taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.
Il-kunċert qed jittella’ minn Festivals Malta għan-nom tal-Kumitat Festi Nazzjonali, bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.
コメント