top of page

Jitħabbru d-dettalji taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta



 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien maċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef ħabbru d-dettalji tal-avveniment ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena li se jittella’ fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta.

 

Dan huwa l-ikbar avveniment tal-aħħar tas-sena f’pajjiżna, fejn mistenni li jattendu ’l fuq minn 50,000 persuna għalih u li matulu se jkunu qed jipparteċipaw diversi artisti lokali u anki internazzjonali stabbiliti.

 

Il-Ministru Owen Bonnici qal li ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta se jkunu l-ikbar avveniment ta’ dan it-tip fil-pajjiż. Huwa enfasizza li dan l-avveniment joffri opportunità unika biex il-pubbliku jgawdi minn atmosfera mill-isbaħ u mużika, filwaqt li jgawdi mit-talent tad-diversi artisti lokali u internazzjonali. “B’dan l-avveniment se nsellmu s-sena 2024 bl-aqwa mod u nagħtu bidu għall-2025 bħala poplu Malti u Għawdxi wieħed magħqud b’ċelebrazzjonijiet li se jinkludu spettakli tal-logħob tan-nar u performances mużikali mill-aqwa,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef sostna li għal darb’oħra se jkun qed jittella’ l-ikbar avveniment lokali bla ħlas ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena proprju fil-qalba tal-Belt Valletta.  Huwa  appella lill-pubbliku sabiex lejlet l-Ewwel tas-Sena jżur il-Belt Kapitali u jattendi għal dan l-avveniment sabiex igawdi minn atmosfera mill-isbaħ ta’ briju u mużika ħalli flimkien nagħlqu din is-sena u nagħtu merbħa lis-sena l-ġdida.

 

Fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena se jieħdu sehem Ira Losco, The Red Electric, Shaun Farrugia, Kevin Paul, Dj Koroma u Dj Miggy. Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet se jkunu permezz tal-artista famuża internazzjonali CASCADA. Mat-tokki ta’ nofsillejl se jkun hemm wirja kbira ta’ logħob tan-nar tal-ajru fil-Port il-Kbir. Se jkun qiegħed jagħlaq is-serata mbagħad Dj D-REY. Dorianne Mamo, Taryn Mamo Cefai, Owen Bonnici u Keane Cutajar se jkunu qed jippreżentaw din is-serata. Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena se jkunu qed jintwerew ukoll live fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali.

 

Iċ-ċelebrazzjoni ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta hija organizzata minn G7 Events bi Ftehim ta’ Sħubija għal Avvenimenti u Inizjattivi fuq Skala Kbira mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali l-Arti u l-Gvern Lokali. Dan l-avveniment huwa appoġġjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

 

Żur is-sit web vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għal aktar informazzjoni.



 

 



 

 

Comments


bottom of page