top of page

Jiġi mniedi The Malta Opus – l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu



 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda The Malta Opus, ktieb fi ħdan l-Opus Collection li se jkun l-ewwel wieħed li jfakkar pajjiż sħiħ.

 

Il-Ministru Owen Bonnici ddeskriva The Malta Opus bħala ġieħ li jirrakkonta b’mod uniku l-istorja, il-kultura, u l-identità ta’ Malta. Huwa saħaq li dan il-proġett mhux biss se jkun testment għall-passat u l-preżent tagħna, iżda wkoll għall-futur tal-wirt Malti. “The Malta Opus huwa aktar minn ktieb – huwa vjaġġ fil-qalba tal-gżejjer Maltin, b’intervisti esklussivi, fotografija ġdida li taqbad is-sbuħija unika ta’ pajjiżna, u materjal arkivjali,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 

The Malta Opus se juri l-istorja u l-kultura straordinarja ta’ Malta, kemm tal-passat kif ukoll tal-preżent. Se jkunu qed jinħarġu tliet edizzjonijiet uniċi ta’ The Malta Opus, kif ukoll verżjoni ta’ 50 paġna se tkun disponibbli b’xejn għall-pubbliku f’format elettroniku.

 

Bħala daqs, dan se jkun l-akbar ktieb li qatt inħoloq biex jiċċelebra pajjiż, b’edizzjoni li tiżen aktar minn 38 kilo.

 

Il-Professur Victor Grech, Kap Editur tal-proġett, spjega, “The Malta Opus se jiddefinixxi lil Malta u x’inhu li tkun Malti, taqbad l-essenza tal-istorja, il-kultura, u l-identità tagħna b’mod li qatt ma sar qabel. Se sservi bħala testament etern għar-reżiljenza, il-kreattività, u l-ispirtu uniku li jgħaqqadna bħala nazzjon.”

 

Il-proġett mhux biss se juri ġmiel artistiku iżda se joffri wkoll kontribut soċjali. Kopja numru 001 ta’ The Malta Opus se tiġi rkantata fl-2025, bil-qligħ kollu jingħata lill-għaqdiet karitattivi bħal Beating Hearts Malta u Save and Support Trust. Għaqdiet oħra Maltin se jibbenefikaw minn proġetti futuri.

 

Mill-2025, Opus Malta kull sena se tniedi programm ta’ taħriġ għal sitt studenti tal-MCAST fl-oqsma tal-fotografija u d-disinn grafiku, biex jipparteċipaw fi proġetti futuri. Dan juri d-dedikazzjoni tal-proġett biex jispira u jeduka ġenerazzjonijiet ġodda.

 

Id-Direttur ta’ Opus Malta, Daniel Cuschieri, spjega li wara numru ta’ diskussjonijiet biex isir Opus dwar pajjiż, ġie magħżul pajjiżna u bdiet il-ħidma neċessarja flimkien ma’ entitajiet tal-gvern biex jiġi implimentat dan il-proġett. “Inħarsu ’l quddiem biex noħolqu stejjer edukattivi u sbieħ mid-dinja kollha, magħmula minna Maltin u f’Malta.”

 

Min-naħa tiegħu, Karl Fowler, Kap Eżekuttiv tal-Opus, tenna b’sodisfazzjon li permezz ta’ din il-kollaborazzjoni se twassal għall-espansjoni tal-marka Opus f’Malta.

 

Il-proġett The Malta Opus jinkludi wkoll l-appoġġ u l-involviment ta’ Daniel Zahra, Direttur u Kap Eżekuttiv tal-Grupp Danzah, kif ukoll l-Arkitett James Bonnici Camilleri.



 


 


 

Comments


bottom of page