top of page

Kollaborazzjoni bla preċedent bejn Malta u t-Turkija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni

Se tara l-iffinanzjar ta’ żewġ proġetti ta’ riċerka



Kollaborazzjoni bejn Malta u t-Turkija, li hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha, se tara l-finanzjament ta’ żewġ proġetti ta’ riċerka li se jġibu flimkien riċerkaturi minn dawn iż-żewġ pajjiżi.

Il-Kunsill Malti ghax-Xjenza u t-Teknologija (MCST) u l-Kunsill ta’ Riċerka Xjentifika u Teknoloġika tat-Turkija (TÜBITAK) se jpoġġu flimkien €400,000 għall-finanzjament ta’ proġetti fl-oqsma tal-immaniġġjar tal-ilma, l-agrikoltura jew il-qasam alimentari. Dan se jsir fil-kappa tas-Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fil-Mediterran (PRIMA) li ġġib flimkien 19-il pajjiż fir-Reġjun tal-Mediterran għat-tisħiħ ta’ riċerka u innovazzjoni f’setturi partikolari.

PRIMA huwa l-iktar programm ambizzjuż li qed isir fil-kuntest tal-koperazzjoni Ewro Mediterranja bil-għan li tissaħħaħ ir-riċerka u l-innovazzjoni fit-tliet oqsma imsemmija.

Is-sejħa għal din l-inizjattiva tnediet fl-1 ta’ Marzu u se tagħlaq fis-17 ta’ Ġunju. Sadanittant iż-żewġ awtoritajiet qegħdin għaddejjin b’taħditiet tekniċi bil-għan li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn in-naħat rispettivi.

F’konferenza li saret onlajn, il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara COVID-19 Owen Bonnici faħħar il-ħidma li bdiet fl-aħħar xhur u li qed issir bejn l-awtoritajiet Maltin u dawk tat-Turkija biex issir din il-kollaborazzjoni importanti. Huwa qal li l-isfera Mediterranja hija importanti ħafna għall-pajjiżna u bis-saħħa ta’ dawn il-proġetti se tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn Malta u t-Turkija.

Il-Ministru Bonnici spjega li bis-saħħa ta’ dawn il-proġetti ir-riċerkaturi u l-innovaturi taż-żewġ pajjiżi se jibbenefikaw għaliex b’hekk isaħħu mhux biss l-għarfien xjentifiku imma anke fejn jidħol in-networking. B’dan il-mod huma jkunu jistgħu jkomplu jikkollaboraw f’sejħiet oħra diversi fi ħdan il-programm PRIMA.

Fid-diskors tiegħu, Dr Jeffrey Pullicino Orlando, Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), irrimarka kif il-kunsill qed jaħdem favur it-tisħiħ tal-portafoll internazzjonali tiegħu biex riċerkaturi lokali jkomplu javvanzaw fil-qasam rispettiv tagħhom permezz ta’ kollaborazzjonijiet ma’ msieħba internazzjonali. Dr Pullicino Orlando żied jgħid li, “L-MCST jikkopera b’mod strateġiku ma’ pajjiżi oħra biex jassigura li l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet rispettivi fil-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni qed jiġu indirizzati. Hu ta’ pjaċir li llum qed nassistu għat-tnedija tal-ftehim bejn MCST u TÜBITAK bħala eżempju ta’ din il-ħidma”

Ritratti: MRIC




Commentaires


bottom of page