top of page

Kollaborazzjoni mal-Malta Fashion Week fuq serje ta’ sfilati tal-moda



L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA)  li taqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali bħala parti mil-legat tal-proġett ta’ Valletta 2018 – Kapitali Ewropea tal-Kultura, qed tkompli l-kollaborazzjoni mal-Malta Fashion Week (MFW) fuq tmien sfilati tal-moda internazzjonali u attivitajiet ta’ networking.


Dawn l-elementi tal-MFW se jiffurmaw parti mill-programm kulturali tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) u se joħolqu opportunitajiet biex l-artisti u d-disinjaturi lokali emerġenti li għadhom kemm jibdew fil-qasam tal-moda, ikunu jistgħu jiltaqgħu, jibnu l-kuntatti u jaqsmu l-ideat ma’ disinjaturi ta’ fama internazzjonali li toħloq possibbiltajiet għal kollaborazzjonijiet fil-futur kif ukoll isaħħaħ l-element tal-bini tal-kapaċità fl-MFW u fl-iżvilupp professjonali ta’ persuni kreattivi lokali.


“Ta’ kull sena, qegħdin naraw kalendarju kulturali mimli b’ħafna aspetti differenti tal-kultura u tat-tradizzjonijiet tagħna. Il-Malta Fashion Week deċiżament saret avveniment li l-membri tal-pubbliku jkunu ħerqana għalih speċjalment minħabba ż-żieda gradwali fil-popolarità tiegħu ma’ kull edizzjoni. Dan jagħtina pjattaforma għal diżinjaturi stabbiliti kif ukoll oħrajn ġodda biex jikkultivaw u juru t-talent u l-artistrija tagħhom. Huwa grazzi għal avvenimenti bħal dawn li nkomplu niżguraw li l-kultura tagħna u l-elementi differenti tagħha jkunu aktar aċċessibbli għas-soċjetà,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.


Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal, “L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se tkompli tibni fuq il-legat tal-Fondazzjoni Valletta 2018 billi tikkollabora fuq attivitajiet kulturali ta’ kalibru għoli bħall-Malta Fashion Week li se jkun ta’ benefiċċju lis-settur kreattiv u kulturali lokali.”


L-attivitajiet li l-VCA qed tikkollabora fuqhom qed jiġu organizzati fil-Belt Valletta u jinkludu disinjaturi rinomati fil-qasam tal-moda internazzjonali bħal Agatha Ruiz De La Prada (Spanja), Architecture in Fashion (L-Isvizzera), Chidinma Obairi (In-Niġerja), Khan (Ir-Russja), Jason Grech (L-Awstralja), Ocantos (L-Arġentina), Milica Tričković (Is-Serbij), Eymeric François (Franza) u Sanja (Slovenia). Skambju ta’ disinjaturi qed jiġi organizzat mill-MFW b’kollaborazzjoni ma’ Serbia Fashion Week f’Novi Sad. Novi Sad se tkun ukoll il-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2021.


Diversi attivitajiet tal-moda se jsiru fil-Forti Sant’Iermu fil-Belt Valletta. MFW 2019 tibda nhar l-Erbgħa 22 ta’ Mejju u tkompli sal-Erbgħa 29 ta’ Mejju. Il-Malta Fashion Awards se jsiru nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Mejju f’Pjazza Tritoni. Iktar informazzjoni fuq www.fashionweek.com.mt.



Comments


bottom of page