top of page

Konferenza ta’ Djalogu Attiv dwar il-Wirt Kulturali għall-Futur tal-Ewropa tittella’ f’Ħal Safi



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonici fetaħ il-konferenza ta’ Djalogu Attiv dwar il-Wirt Kulturali għall-Futur tal-Ewropa, li ġiet organizzata u mtella’ fil-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi. Din il-konferenza hija l-ħames waħda dwar dan il-proġett u tifforma parti mill-Programm Europe for Citizens.


Waqt il-konferenza, il-Ministru Owen Bonnici aċċenna għax-xogħol ta’ dan il-Gvern biex ikompli jsaħħaħ il-wirt kulturali. Hu ssottolinea numru ta’ inizjattivi dwar is-suġġett, u qal li “permezz ta’ xogħlna, aħna rridu noħolqu u nmantnu inizjattivi ta’ kwalità għolja biex inkomplu nikkontribwixxu għas-settur kulturali ta’ pajjiżna b’mod li jkunu disponibbli għas-soċjetà tagħna. Aħna qegħdin naħdmu wkoll biex insaħħu aktar il-prodott kulturali lokali, hekk kif maż-żmien qegħdin insiru destinazzjoni kulturali li tiġbed l-għajn ta’ ħafna viżitaturi.”

Il-Ministru rrefera għall-proġetti ta’ restawr numerużi u semma l-iskema ta’ xogħlijiet ta’ restawr tal-kunsill lokali li issa qiegħda fil-ħames sena tagħha u “rat ir-restawr ta’ bosta kappelli, niċeċ u monumenti sinifikanti. Permezz ta’ strateġiji pjanati sew, aħna għamilna numru kbir ta’ proġetti ta’ restawr f’ħafna lokalitajiet, fejn irrestawrajna dawn il-monumenti uniċi għall-glorja li ħaqqhom.”


Il-Ministru Bonnici semma wkoll l-iskema tal-passaporti ta’ Heritage Malta kemm tal-istudenti kif ukoll tal-kbar u qal li “permezz ta’ din l-inizjattiva ta’ suċċess, in-nies qegħdin japprezzaw u jkunu aktar konxji ta’ wirtna, filwaqt li nkomplu ninkoraġixxu liż-żgħar tagħna biex iżuru u jitgħallmu dwar il-wirt u l-istorja tagħna.”


Il-konferenzi ta’ qabel ġew organizzati fi Sqallija, Spanja, il-Ġermanja u l-Ungerija bil-parteċipazzjoni attiva ta’ 15-il muniċipalità u organizzazzjoni Ewropea biex jiżdied aktar l-għarfien dwar il-wirt kulturali.



Comments


bottom of page