top of page

Konkluż proċess ieħor ta’ xiri ta’ sede ta’ soċjetà mużikali oħra li kienet f’riskju ta’ żgumbrament – tgawdi mill-aħħar ftehim is-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta



 

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali kkonkluda b’mod definittiv il-proċess tax-xiri tas-sede tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta, id-disa’ sede ta’ soċjetà mużikali li l-gvern xtara b’mod definittiv. Din il-proprjetà tingħaqad ma’ tmien binjiet okkupati minn soċjetajiet mużikali oħra, jiġifieri s-sede tas-Soċjetà Mużikali Marija Reġina Marsa A.D.1977, is-sede tal-Għaqda Mużikali Stella Levantina ta’ Ħ’Attard, is-sede taċ-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja tal-Kalkara, is-sede tas-Soċjetà Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara, is-sede tas-Soċjetà Mużikali Antoine de Paule ta’ Raħal Ġdid, is-sede tas-Soċjetà Mużikali Stella Maris ta’ Tas-Sliema, is-sede tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen ta’ Birżebbuġa u s-sede tal-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici ta’ Ħal Qormi li issa l-gvern hu s-sid tal-binja prinċipali li minnha jaħdmu dawn is-soċjetajiet.

 

Fl-istess waqt hemm tliet proprjetajiet minn fejn jaħdmu soċjetajiet mużikali oħra li l-ministeru, permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti, jinsab f’konvenju dwarhom mas-sidien privati tagħhom. Dawn it-tnax-il soċjetà kollha kienu f’riskju serju ħafna ta’ żgumbrament minħabba s-sitwazzjoni legali marbuta mal-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995.

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-każini għandhom rwol kruċjali fit-trawwim tal-iżvilupp kulturali u l-progress soċjali fil-komunitajiet tagħna. Huwa qal li ħafna drabi huma dawn il-persuni attivisti fi ħdan is-soċjetajiet mużikali li jixprunaw l-inizjattivi li jippromwovu l-arti, l-edukazzjoni, il-konservazzjoni ambjentali, u l-ġid soċjali fid-diversi komunitajiet.

 

“Dawn l-għaqdiet jiddependu ħafna fuq l-ispazji li jokkupaw biex iwettqu xogħolhom b’mod effettiv fil-qalba tal-komunitajiet u għalhekk żgumbrament kien mhux biss ifixkel l-operat tagħhom iżda wkoll jipperikola l-element kruċjali fl-organizzazzjoni u l-ħidma ewlenija tal-festa rispettiva”, kompla jgħid il-Ministru Bonnici.

 

“Għalhekk, kien kruċjali li nieħdu miżuri proattivi biex nipproteġu lill-każini bħas-sede ta’ dan li akkwistajna llum. Xogħolna mhuwiex biss li nissalvagwardjaw il-kapaċità u t-talent ta’ dawn in-nies, imma irridu nkomplu nsostnu l-valuri fundamentali tad-diversità u l-espressjoni kulturali għal futur b’iktar kultura fih”, temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 

Is-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta ġiet akkwistata b’investiment totali ta’ €360,000. B’kollox il-gvern hu mistenni li jinvesti total ta’ €19-il miljun meta wieħed iqis l-ammont li diġà ġie investit fl-akkwist tad-disa’ proprjetajiet imsemmija u l-ammont li jrid jinħareġ meta wieħed iqis it-tliet proprjetajiet l-oħra li għad irid isir kuntratt finali dwarhom.



 

 





 

Comments


bottom of page