top of page

Kottonera magħquda f’attivitajiet li jfakkru Jum it-Tlett Ibliet u l-Kalkara



Għall-ewwel darba se jkun iċċelebrat Jum il-Kottonera nhar it-23 ta’ Ottubru 2019. Dan il-jum se jibqa’ mfakkar bħala Jum il-Kottonera wara qbil bejn il-Kumitat għar-Riġenerazzjoni tal-Kottonera u s-sindki tal-lokalitajiet li jiffurmaw parti mit-Tlett Ibliet u l-Kalkara.

Il-jum li jirrappreżenta l-għaqda fil-Kottonera ntgħażel billi fit-23 ta’ Ottubru 1663, Nicholas Cotoner ħa l-pussess bħala l-61 Gran Mastru tal-Ordni. Kien dan il-Gran Mastru li bena s-swar li jdawru t-Tlett Ibliet tal-Kottonera u li minn ismu l-ibliet fi ħdan is-swar baqgħu magħrufa bħala l-Kottonera.


Id-Deputat Parlamentari Glenn Bedingfield, li jmexxi l- Kumitat għar-Riġenerazzjoni tal-Kottonera, ħabbar żewġ avvenimenti li se jsiru b’rabta ma’ dan il-jum li jgħaqqad il-Kottonera.

L-ewwel avveniment se jkun kunċert esegwit mill-Orkestra tal-Kottonera li se jsir fil-Knisja ta’ Bormla nhar it-23 ta’ Ottubru 2019, li fih se jkunu esegwiti biċċiet li nstabu fl-arkivji mużikali tal-knejjes ta’ wara riċerka li saret mis-Surmast Ray Sciberras.


Il-mużika hija ta’ illustri mill-Kottonera bħal Paolino Vassallo sa oħrajn li saħansitra huma anonimi.


Din il-mużika, jew qatt ma nstemgħet inkella ilha ma tkun esegwita għall-ħafna snin.

B’rabta ma’ dan il-kunċert, li qed jittella’ bl-għajnuna ta’ Festivals Malta, sar ukoll outreach programme mal-iskejjel primarji tal-Kottonera u De La Salle u t-tfal li ħadu sehem f’dan l-outreach programme mill-iskejjel tal-gvern u knisja se jiffurmaw il-kor għall-kunċert.

Attività oħra se ssir bil-kollaborazzjoni tal-Bicycle Advocacy Group fl-20 ta’ Ottubru 2019 hija dawra bir-roti mal-Kottonera li tibda minn ħdejn il-Fortizza Ricasoli fil-Kalkara, tgħaddi minn Bormla u l-Birgu u tintemm fil-Ponta tal-Isla.


Glenn Bedingfield qal li “din se tkun l-ewwel darba li se norganizzaw jum li jgħaqqad il-Kottonera kollha u ħeġġeġ lin-nies tal-Kottonera jipparteċipaw f’dawn l-avvenimenti li se jkunu qed jikkonċentraw fuq il-kultura, l-ambjent u l-qagħda soċjali tal-Kottonera”.

Aktar tard matul is-sena se ssir konferenza li titratta r-riġenerazzjoni soċjali tal-Kottonera.

Comments


bottom of page