top of page

Kull sena jitwaħħlu iktar minn 340 sellum u iktar minn 1,000 kontenitur tal-iskart



Id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni ta’ kull sena tara li l-infrastruttura tal-għamara tal-baħar tkun dejjem adegwata u sigura għall-użu tal-pubbliku. Id-diviżjoni ta’ kull sena tieħu l-inizjattiva biex tara kif il-pubbliku jista’ jingħata servizz mill-aqwa u prodott aħjar, għalhekk kull sena jitwaħħlu iktar minn 340 sellum, 30 tapit ta’ decking, 8 bridges li jwasslu lill-għawwiema dirett fil-baħar u jitwaħħlu wkoll iktar minn 1,000 kontenitur tal-iskart.


Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar ix-xogħol annwali li tagħmel id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni biex iżżomm il-bajjiet nodfa u fi stat tajjeb. Dawn jinkludu l-manutenzjoni u l-installazzjoni ta’ slielem, decking u pontijiet, kif ukoll it-tqegħid ta’ aktar minn 1,000 kontenitur tal-iskart fuq bażi annwali. “Kull sena d-diviżjoni tiżgura li tkompli ttejjeb l-assistenza u l-manutenzjoni fejn jidħlu l-bajjiet biex toffri spazji aktar siguri u nodfa kemm għall-komunità lokali u kif ukoll għat-turisti numerużi li jżuru l-gżejjer tagħna waqt ix-xhur tas-sajf. Ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni jsiru matul is-sena kollha, b’seba’ mpjegati jirranġaw u jagħmlu dawn il-faċilitajiet li jitneħħew fix-xhur mhux tas-sajf għall-manutenzjoni annwali tagħhom”, stqarr il-Ministru Bonnici.


Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista rringrazzja lill-ħaddiema kollha tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni tax-xogħol li qegħdin jagħmlu kull ħin tal-ġurnata. Huwa fakkar kif il-maltempata li ħakmet lil pajjiżna fi Frar ta’ din is-sena kkawżat diversi ħsarat matul il-kosta Maltija. Id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni taħdem biex taċċerta li l-bajjiet Maltin ikunu siguri u aċċessibli mill-membri tal-pubbliku. Huwa spjega kif din l-infrastruttura li titwaħħal bħalissa terġa’ tinqala fix-xahar ta’ Ottubru biex tkun tista’ ssir il-manutenzjoni meħtieġa. Kawża tal-maltemp imsemmi d-diviżjoni manifatturat diversi prodotti mill-ġdid minħabba li dawn inqerdu kompletament jew tkaxkru mill-baħar. L-ispiża għal dan il-materjal laħqet l-€40,000. “Ġew manifatturati 150 sellum, 80 hand rail u iktar minn 100 bracket ġdida li magħhom se jitwaħħlu l-kontenituri tal-iskart”, ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari Debattista.


Id-Direttur Ġenerali responsabbli mid-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni Ramon Deguara fakkar biex il-pubbliku u kull min jiltaqa’ mal-bżonn li jirraporta każijiet ta’ skart illegali jċempel fuq 1718 jew juża il-mobile app ‘Clean and Upkeep’.



Comments


bottom of page