Kitba meħuda mill-gazzetta ‘KullHadd’ (Il-Ħadd, 25 ta` Diċembru, 2022) paġna numru 5.
Id-dinja tal-ispettaklu u d-divertiment tinsab imħejjija mill-ġdid għaż-żmien tal-Milied u s-Sena l-Ġdida, għall-ewwel darba mingħajr restrizzjonijiet tal-pandemija. L-artisti lokali, li se jkunu qed joffru l-akbar spettaklu fl-attivitajiet festivi organizzati fil-kapitali Maltija, ukoll jinsabu ħerqanin li se jkunu qed jirritornaw fi Pjazza San Ġorġ biex jagħlqu s-sena ma’ eluf li mistennija jgawdu magħhom dan l-avveniment bla ħlas fil-lejl li jtemm l-2022 u jagħti bidu għas-sena l-ġdida.
Wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija, din is-sena se jkunu qed jirritornaw fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, iċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena organizzati mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) taħt il-patroċinju tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet se jibdew fl-10:00 ta’ filgħaxija u jibqgħu għaddejjin sas-sigħat bikrin tas-sena l-ġdida. Il-KullĦadd staqsiet lil uħud mill-artisti, li se jkunu qed jieħdu sehem matul is-serata nhar is-Sibt li ġej, kif qed iħarsu lejha.
Kevin Abela, fundatur u direttur tal-Brass House Unit, il-mistiedna speċjali tal-okkażjoni, saħaq li “wara sentejn ta’ tama u stennija biex il-ħajja tiġi lura għan-normal, hawn aħna lejlet sena ġdida. Bla dubju, l-akbar stage f’Malta se jkun dak fi Pjazza San Ġorġ … inħeġġeġ lil kulħadd biex jingħaqad magħna biex jiċċelebra mal-Brass House Unit u numru spettakolari ta’ artisti Maltin.”
“Hu ta’ unur kbir li nirritorna fuq dan il-palk maestuż. L-aħħar darba li kantajt kien fl-2018 mal-istess Brass House Unit. Għalija l-unur u l-emozzjoni huma d-doppju wara waqfa twila minħabba ċ-ċirkostanzi tal-pandemija. Ħerqana ferm li jasal dan l-avveniment tant mistenni! Narawkom hemm!,” qaltilna l-kantanta Gloriana Arpa Belli.
Amanda Marie wkoll taħsibha l-istess. Stqarret li, wara l-perjodu diffiċli tal-pandemija, “inħossni onorata li se nkun parti miċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali tal-Ewwel tas-Sena fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt. Importanti ferm li nerġgħu ningħaqdu flimkien fil-kapitali tagħna biex insellmu lill-2022 u nħarsu ’l quddiem għas-sena l-ġdida bi spettaklu fenomenali. Il-preparamenti għaddejjin ġmielhom u nħeġġeġ lil kulħadd jattendi għal serata indimentikabbli.”
Tiziana Calleja, ukoll fost il-kantanti parteċipanti, qalet li “kuntenta li se nkun parti minn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. Ħerqana biex il-bidu tas-sena l-ġdida nqattgħu mal-poplu tagħna. Żgur, mhux forsi, li se tkun waħda mill-akbar u l-isbaħ serati dakinhar. Persważa li, dak li qed inħejju se jintgħoġob minn kull ġenerazzjoni. Mingħajr restrizzjonijiet, din is-sena nistgħu nkantaw, nitgħannqu u niċċelebraw. U wara kollox, nagħtu merħba, kif jixraq, lis-sena l-ġdida.”
“Dawn l-aħħar sentejn kont parti miż-żewġ kunċerti tal-Ewwel tas-Sena, li saru fi żmien il-COVID-19 u n-nuqqas tan-nies inħass sew,” spjegat il-kantanta Jasmine. “Li tara lil kulħadd, familji u ħbieb jitgħannqu, jidħqu, jifirħu u jiċċelebraw jgħolli l-livell ta’ emozzjoni li dejjem ġab miegħu l-bidu ta’ sena ġdida. Ferħana u eċċitata biex nara lil kulħadd magħqud flimkien, folla waħda kbira fi Pjazza San Ġorġ,” kompliet tgħidilna.
Fir-reazzjoni tiegħu, Ludwig Galea qalilna li “nemmen li avvenimenti bħal dawn jagħtu opportunità mill-isbaħ lill-poplu Malti biex jingħaqad flimkien fil-kapitali tagħna għal festa ta’ mużika u ċelebrazzjonijiet li għandhom jagħlqu l-aħħar tas-sena 2022 bil-kbir. Wara nuqqas ta’ sentejn ejjew nagħtu rigal simboliku b’saħħtu lil xulxin billi nidħlu bi ħġarna l-Belt Valletta, nassistu għal dan l-ispettaklu u nibdew sena u paġna ġdida flimkien.
Kantant ieħor stabbilit, Ozzy Lino, jemmen li l-ispettaklu se jkun fost l-aktar imfittxijin għall-okkażjoni f’pajjiżna. “Għalhekk qed inħarsu ’l quddiem li nġibu show kbir għal dawk kollha li se jingħaqdu magħna fil-Pjazza u dawk li se jsegwuna minn djarhom.”
Aktarx l-iżgħar artist parteċipant, Aidan Drakard kompla jżid mal-kollegi sħabu li “ċ-ċelebrazzjonijiet tal-aħħar tas-sena fi Pjazza San Ġorġ huma żgur mixtiqin. Tajjeb li fl-aħħar għandna ċ-ċans li nerġgħu nagħtu esperjenza sabiħa immens lil kull min se jiġi biex jieħu gost magħna u jkollu għeluq tas-sena kif mistħoqq.”
Il-lejla se tibda b’mużika minn Kurt Calleja & Band, segwit mill-mistiedna speċjali The Brass House Unit, u diversi kantanti lokali stabbiliti, fosthom ukoll Brooke, Kevin Paul Calleja, Owen Luellen u Pawlu Borg Bonaci. Eżatt qabel il-countdown, il-Brass House Unit tingħaqad mad-DJ lokali Debrii biex iħejju lill-folla miġbura fil-Belt u dawk li se jkunu qed isegwu t-trażmissjoni diretta fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali għas-sena l-ġdida. Se jkun hemm ukoll logħob tan-nar biex tingħata merħba mill-isbaħ lis-sena l-ġdida. Iċ-ċelebrazzjonijiet jagħlqu b’sett minn DJ Drey.
Ron, Taryn Mamo Cefai, Claire Agius Ordway u Clint Bajada se jkunu qed jippreżentaw din is-serata.
Comments