Kitba meħuda mill-Orizzont (It-Tnejn 10 ta’ Ottubru 2022) paġna numru 20.
Wirja li tiffoka fuq l-arkeoloġija ta’ Għawdex fil-Medjuevu għadha kemm tnediet fil-Ministeru għal Għawdex, fejn se tibqa’ miftuħa sa tmiem dan ix-xahar. Din il-wirja tnediet mil-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.
Fl-inawgurazzjoni tal-wirja f’Għawdex, il-Ministru Owen Bonnici qal kif din il-wirja hija turija ċara tar-riżultat mill-aqwa ta’ kollaborazzjoni mill-qrib bejn żewġ mużewijiet ta’ Heritage Malta, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija u l-Mużew tal-Arkeoloġija ta’ Għawdex. “Din il-wirja qed tittella’ bl-għan li tkattar l-apprezzament tal-pubbliku lejn il-wirt medjevali ta’ pajjiżna hekk kif minn dejjem inħasset l-importanza ta’ investiment f’wirjiet bħal dawn,” temm jgħid Dr Bonnici.
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, qal li kollaborazzjonijiet bħal dawn huma importanti ferm biex il-wirt storiku jkun jista’ jitgawda mill-pubbliku. Camilleri spjega, “il-wirt storiku li għandna f’pajjiżna jgħinna nkomplu nattiraw it-turisti lejn il-gżejjer tagħna u għalhekk inħarsu ’l quddiem għal aktar kollaborazzjoni.”
Il-wirja, Gżira fi Tranżizzjoni – 700 sa 1700AD: L-Arkeoloġija ta’ Għawdex fil-Medjuevu, kienet ġiet inawgurata għall-ewwel darba f’Ottubru tas-sena li għaddiet fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta, fejn ġibdet l-attenzjoni tal-pubbliku ġenerali u ta’ esperti fil-qasam. Apparti l-kollaborazzjoni taż-żewġ mużewijiet tal-arkeoloġija, kienet ta’ benefiċċju wkoll il-kollaborazzjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u tal-Kunsill Lokali Ta’ Sannat.
Gżira fi Tranżizzjoni – 700 sa 1700AD: L-Arkeoloġija ta’ Għawdex fil-Medjuevu tagħti ħarsa lejn il-wirt medjevali ta’ Għawdex minn perspettiva arkeoloġika. Din hija t-tieni wirja fis-sensiela dwar Malta Medjevali. L-ewwel wirja kienet dwar l-arkeoloġija ta’ Malta fi Żmien id-Dlam (mis-Seklu 9 sas-Seklu 10 W.K. Id-dħul għall-wirja hu bla ħlas. Il-viżitaturi jistgħu jixtru librett li ġie ppubblikat fl-okkażjoni ta’ din il-wirja. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma: Mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit8.30 a.m. sal-4.00 p.m. (l-aħħar dħul fit-3.30 p.m.); is-Sibt u l-Ħadd mid-9.00 a.m. sas-1.00 p.m
Comments