Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, il-Malta Enterprise u ARTZ ID wasslet biex tiġi mnedija inizjattiva li permezz tagħha se trawwem it-tkabbir tal-komunità kreattiva tal-arti viżiva fi ħdan iċ-Ċentru ta’ Inkubazzjoni tan-Negozji ta’ Kordin (KBIC).
Din l-inizjattiva se toffri spazji semi-industrijali fil-KBIC għall-artisti kreattivi sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw proġetti relatati ma’ negozju. Barra minn hekk, l-artisti se jkunu qed jiġu offruti mentoring li se jgħinhom jiżviluppaw aktar l-idea tagħhom fuq livell kummerċjali.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici sostna li din l-inizjattiva se tkompli tippromwovi lill-komunità kreattiva tal-arti viżiva, li fl-aħħar snin kompliet tikber u tissaħħaħ fil-kamp intraprenditorjali.
“Din il-kollaborazzjoni se toffri opportunitajiet lill-artisti u l-professjonisti tal-arti, fosthom aċċess għall-kiri ta’ spazju fil-KBIC, gwida professjonali minn ARTZ ID u wirjiet. B’hekk se jiġi ffaċilitat t-titjib tal-ħiliet, l-iżvilupp artistiku, il-qsim tal-għarfien, in-networking, il-kollaborazzjoni u l-ispirazzjoni kreattiva bejn l-artisti lokali,” stqarr il-Ministru Bonnici. Huwa temm jgħid li l-Gvern jemmen fil-potenzjal tal-ekonomija kreattiva u din il-kollaborazzjoni se tkompli ssaħħaħ l-impenn f’dan ir-rigward.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri enfasizza s-sinifikat ta’ din l-inizjattiva fejn qed joffru opportunità għall-arti bħala intrapriża.
“F’dawn l-aħħar snin rajna tkabbir sinifikanti fl-impjiegi fis-settur kreattiv, minn 3,065 fl-2013 għal 7,187 fl-2023. Qed noffru din l-opportunità lill-artisti, b'eku tas-suċċess miksub minn individwi bħal Marco Parascandolo, prodott malti li beda minn idea ġewwa l-KBIC u llum stabbilixxa ruħu fuq livell kummerċjali. Nafu li l-bidu ta' negozju huwa ta’ sfida, u għalhekk irridu nappoġġjaw lill-individwi biex iwettqu l-ħolm tagħhom,” tenna l-Ministru Schembri.
Il-Ministru Schembri semma wkoll diversi skemi offruti mill-Malta Enterprise għal start-ups, bħall-B.Start Scheme, Start-up Finance, u Micro Invest Scheme. Semma wkoll il-Venture Capital Fund, fond ta’ €10 miljun f’ekwità lill-imprendituri lokali li jersqu ’l quddiem b’ideat innovattivi jew li jkunu qed ifittxu li jiżviluppaw il-prodott tagħhom għal skop kummerċjali. "Aħna nemmnu f'teknoloġiji innovattivi, riċerka, żvilupp, u innovazzjoni biex noħolqu orizzonti ġodda u setturi ekonomiċi ġodda. Hekk qed nagħmlu, u hekk se nkomplu naraw li jsir,” temm jgħid il-Ministru Schembri.
Kurt Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, enfasizza l-interkonnettività tal-arti, in-negozju, u l-intrapriża, u stqarr, “L-ewwel impressjoni tista’ tkun li l-arti, in-negozju, u l-intrapriża huma oqsma separati, b’filosofiji, għarfien, metodi, għanijiet u ħsieb differenti. Madanakollu l-arti u l-intrapriża għandhom karatteristiċi fundamentali komuni. Inħeġġu lill-artisti jersqu ’l quddiem u jieħdu vantaġġ minn dawn is-servizzi u mill-ispazju li qed noffru fil-KBIC.”
Maria Galea, Direttriċi ta’ ARTZ ID saħqet li din il-kollaborazzjoni se tiffaċilita l-integrazzjoni tas-settur tal-arti kontemporanja viżiva fl-ispazju li qed jiġi offrut fil-KBIC. “Ħloqna programm ta’ inizjattivi, kemm ta’ spazji li ħa jkunu għall-kreattivi, kif ukoll programm li ħa jinkoraġġixxi mentorships, exhibitions, li nintegraw mhux biss l-artisti imma n-nies li jaħdmu f’dan is-settur,” temmet tgħid s-Sa Galea.
Comments