Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar l-aħħar preparamenti u provi tal-festival Mużika Mużika fejn iltaqa’ mal-mużiċisti, kantanti u l-organizzaturi.
Il-Ministru Bonnici spjega kif dan il- festival kull ma jmur qed ikun ta' suċċess u huwa mistenni ħafna mill-Maltin u l-Għawdxin. “Grazzi għad-dedikazzjoni bla waqfien tal-artisti u l-organizzaturi ta’ dan il-festival prestiġjuż, għar-raba’ sena se jerġa’ jiċċelebra ilsien twelidna permezz ta’ 20 kanzunetta oriġinali bil-Malti. Dan fih innifsu hu legat importanti li qed ikompli jissaħħaħ.”
Min-naħa tiegħu, ċ-Chairperson ta' Festivals Malta Aaron Zahra rringrazzja lill-ħaddiema ta’ Festivals Malta, lit-tekniċi, lit-tim tal-produzzjoni, lill-artisti u lil dawk kollha li huma parti minn Mużika Mużika għall-ħidma tagħhom sabiex dan il-festival iżomm u jeċċedi l-livell għoli li huwa magħruf għalih. “Inħares 'il quddiem li niċċelebraw it-talent Malti fit-totalità tiegħu,” temm jgħid is-Sur Zahra.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius qal, “Il-preparamenti issa qed jilħqu l-qofol tagħhom sabiex nerġgħu nippreżentaw edizzjoni oħra ta’ Mużika Mużika bl-aqwa talent lokali. Ċertament li din l-edizzjoni se tkun waħda ta’ suċċess bħall-edizzjonijiet passati”.
Għada, l-Ħamis 14 ta’ Marzu jsir l-ewwel semifinali fejn l-20 kanzunetta ser jinstemgħu għall-ewwel darba live fuq il-palk fl-MFCC Ta’ Qali u fuq TVM fid-9pm. Filwaqt li l-Ġimgħa se jkun hemm il-Lejla tal-Klassiċi li se tinkludi bosta artisti stabbiliti Maltin li se jkantaw kanzunetti popolari passati. Is-Sibt,16 ta’ Marzu, minbarra t-12-il finalist tal-festival, ser ikun hemm ukoll prestazzjoni mill-mistiedna speċjali ta’ din is-sena – ir-rebbieħ tas-sena li għaddiet Gianluca Bezzina u l-kantant internazzjonali Shaun Farrugia. It-tlett iljieli se jkunu ppreżentati minn Clare Agius, Moira Delia u Keith Demicoli.
Għal aktar informazzjoni żur mużikamużika.mt.
Comments