top of page

L-epilessija: tamiet ġodda bis-saħħa tar-riċerka




F'Malta hawn aktar minn 4,000 pazjent li jgħixu b’ din il-kundizzjoni

Illum il-ġurnata konxji aktar minn qatt qabel dwar l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni. L-investiment fir-riċerka jsarraf fi prodotti, proċessi u servizzi innovattivi li joffru mbagħad soluzzjonijiet ġodda għal problemi u sfidi ta’ kuljum.


Fis-setturi tal-industrija u tat-teknoloġija, ir-riċerka hija komponent kruċjali tal-innovazzjoni u fattur ewlieni fl-iżvilupp ta' vantaġġi kompetittivi ġodda. Fil-fatt, anke’ f’pajjiżna llum, ir-riċerka u l-innovazzjoni huma rikonoxxuti bħala pilastri ewlenin tal-futur ekonomiku ta’ pajjiżna.


Fil-fatt matul din is-sena, kemm ilu mwaqqaf il-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni mmexxi mill-Ministru Owen Bonnici, bdejna nsiru aktar konxji tax-xogħol ta’ riċerka li għaddej f’pajjiżna. Qed naraw dejjem aktar opportunitajiet għar-riċerka u żieda kontinwa fl-investiment fir-riċerka, kemm minn fondi għar-riċerka tal-Gvern Malti, mill-Unjoni Ewropea u anke’ mis-settur privat.


Qed naraw ukoll kemm għandna riċerkaturi u akkademiċi bravi u kapaċi u jħabbtuha tajjeb ħafna ma’ riċerkaturi minn pajjiżi barranin ħafna ikbar minn gżiritna. Il-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni f’pajjiżna għadu fl-infanzja tiegħu, iżda qiegħed jikber u jissaħħaħ kull ma jmur, u diġa’ qed naraw riżultati eċċellenti li jagħmlulna unur f’diversi oqsma.


Is-sħubijiet bejn il-gvern, is-settur ekonomiku u l-istituzzjonijiet akkademiċi qed jikbru b'mod esponenzjali, sabiex ikompli jiżdied l-għarfien ġdid marbut mal-għanijiet tal-iżvilupp. F’dawn l-aħħar snin fil-fatt, rajna żviluppi kbar fir-riċerka u l-innovazzjoni madwar id-dinja kollha, żviluppi li tawna prodotti innovattivi li sa ftit ilu qatt ma mmaġinajna li setgħu jeżistu u llum saru parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum. Matul din l-era rajna iktar minn qatt qabel kif ir-riċerka u l-iżviluppi fit-teknoloġija biddlulna ħajjitna ta’ taħt fuq.


Forsi l-aktar qasam tar-riċerka li jolqotna mill-viċin huwa dak assoċjat mas-saħħa, iktar u iktar dawn l-aħħar sentejn. Id-dinja kollha kellha tiffaċċja l-pandemija tal-COVID-19. Din il-pandemija fil-fatt skattat tellieqa ta’ riċerka madwar id-dinja, riċerka għal sistemi ta’ kura aħjar għall-virus, mediċini aktar effettivi, testijiet aktar effiċjenti u preċiżi u l-famuż vaċċin, li kien l-uniku tama għal ritorn għall-ħajja normali. Biss ma jfissirx li m'hemm riċerka ulterjuri fuq mard ieħor li tinsab għaddejja, anke f'Malta.


Tkellimna dwar dan kollu mal-Ministru Owen Bonnici u saqsejnieh dwar ix-xogħol ta’ riċerka li għaddej f’Malta fejn jidħol il-qasam tas-saħħa. Il-Ministru semmielna diversi xogħolijiet ta’ riċerka minn akademiċi mill-Universita’ ta’ Malta assoċjati ma’ numru ta’ kundizzjonijiet li jaffetwaw ħafna persuni anke’ f’pajjiżna. Għaddejja ħafna riċerka dwar diversi tipi ta’ kanċer, fosthom il-kanċer tas-sider, tal-musrana u tal-pulmun. Għaddej ħafna xogħol ukoll fuq mard u kundizzjonijiet ġenetiċi u kif dawn jistgħu jaffetwaw u jiġu evitati fejn hu possibbli.



Proġett ta’ riċerka għall-trattament ġdid għall-Epilessija


Saqsejna lill-Ministru Bonnici dwar proġett partikolari ta’ riċerka li għandu l-għan li joħloq trattament iktar effettiv għall-epilessija u mard ieħor newroloġiku. “Dan il-proġett ta’ riċerka,” qalilna l-Ministru Bonnici, “jġib l-isem ta’ Bookind u kien possibbli bis-saħħa ta' finanzjament għar-riċerka ta' €200,000 taħt il-programm FUSION tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Il- kumpanija Maltija prestiġjuża tal-bijoteknoloġija Omnigene Medical Technology ukoll tat il-kontribut importanti tagħha sabiex dan il-proġett jitwettaq b’suċċess.”

Ftit taż-żmien ilu l-Ministru Owen Bonnici għamel żjara fil-Laboratorji BijoMediċi ġewwa l-Universita’ ta’ Malta, fejn qed isir ix-xogħol ta' riċerka fuq il-proġett Bookind. Il-Ministru faħħar ħafna l-isforzi tat-tim formidabbli ta' riċerkaturi taħt il-gwida tal-Prof Mauro Pessia, li qed jaħdmu bla heda biex jipprovdu soluzzjonijiet ġodda u aktar effettivi għall-persuni li qed jikkumbattu ta’ kuljum ma’ dawn il-kundizzjonijiet diffiċli.

Il-Ministru kompla jispjegalna li skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, madwar 50 miljun persuna madwar id-dinja jgħixu bl-Epilessija. “F'Malta hawn aktar minn 4,000 pazjent li jgħixu b’ din il-kundizzjoni,” qalilna l-Ministru, “li tista’ tikkawża stigma u konsegwenzi serji fuq is-saħħa. Fost affarijiet oħra, attakk ta’ epilessija jista’ jħalli konsegwenzi negattivi fuq partijiet tal-moħħ, u f’xi każi rari jista’ wkoll ikun fatali.”

Il-Ministru spjegalna uħud mill-effetti ta’ din il-kundizzjoni, “L-epilessija, bħal ħafna mard newroloġiku ieħor,” qalilna, “tista’ tinterferixxi mal-istudju jew l-impjieg ta’ dak li jkun. Persuni li jbagħtu mill-epilessija jistgħu wkoll jispiċċaw jitilfu ħafna mill-indipendenza tagħhom. Għal ħafna żmien din il-kundizzjoni ma kinitx mifhuma, allura jista’ jkun għad hemm element ta’ stigma li jista’ jikkawża iżolament soċjali, ansjeta’ u depressjoni. Minħabba n-natura tal-kundizzjoni, persuna li tbati mill-epilessija tista’ tkun ukoll f’riskju akbar ta' korriment.”


Trattamenti li diġa jeżistu


“Ħafna mill-persuni li jbagħtu minn din il-kundizzjoni llum, iżommuha taħt kontroll permezz ta’ trattamenti li jippermettulhom ikomplu b’ħajjithom u jgħixu ħajja normali. Iżda dan mhux dejjem huwa l-każ,” qalilna l-Ministru Bonnici. “Sfortunatament jeżistu ħafna tipi differenti ta’ din il-kundizzjoni, u mhux kull min ibagħti minnha jsib trattament adattat. Allura għad baqa’ ħafna nies li għadhom affetwati ħażin ħafna minn din il-kundizzjoni li timponi fuqhom ħafna limitazzjonijiet.”

“Waqt iż-żjara tagħna, ir-riċerkaturi qalulna kif bħalissa, aktar minn 30% tal-pazjenti huma reżistenti għal trattamenti farmakoloġiċi eżistenti u meta l-epilessija ma tkunx ikkontrollata permezz tal-mediċini, din tista’ anke’ tikkawża l-mewt. L-unika għażla oħra ħafna drabi tkun it-trattament newrokirurġiku, iżda dan spiss ma jkunx possibbli mibħabba r-riskju inaċċettabbli li waqt l-operazzjoni ssir ħsara lil partijiet oħra tal-moħħ li jikkontrollaw il-lingwa, is-sensazzjoni, il-moviment u funzjonijiet kruċjali oħra tal-moħħ. Għaldaqstant ikun hemm ir-riskju serju, li l-operazzjoni tista’ tikkawża anke’ iktar ħsara mill-kundizzjoni nnifisha. Għalhekk l-identifikazzjoni ta' mediċini aktar effettivi biex dan jiġi evitat, hija meħtieġa b'mod urġenti," kompla jgħidilna Dr Bonnici.


Tama ġdida għall-pazjenti tal-epilessija

“Għalhekk din it-tip ta' riċerka timliena bit-tama," qal il-Ministru Bonnici, "Għax għandha l-għan li b'mod konkret ittejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' dawk li kontinwament qed jinżammu lura mid-disturbi newroloġiċi tagħhom. Din hija dimostrazzjoni ċara ta' kif kulħadd jista' jibbenefika meta r-riċerka u l-innovazzjoni jitqiesu bħala pilastri ewlenin għall-futur ta' pajjiżna, għalhekk ma jistax jonqos li l-Gvern se jibqa’ kommess li jkompli jinvesti fir-riċerka u jissapportja lir-riċerkaturi tagħna biex ikomplu jsaħħu x-xogħol tagħhom u jiżviluppaw il-karrieri tagħhom."



Comments


bottom of page