top of page

L-esebizzjoni ‘Enlightened Universe’ f’pajjiżna għal ġurnata internazzjonali tal-Ġnus Magħquda


Kitba meħuda mill-gazzetta ‘Illum’ (Il-Ħadd 23 ta’ Ottubru 2022) paġna numru 02.



Fuq inizjattiva tal-Ambaxxata Maltija fi Spanja, mill-21 ta’ Ottubru sal-5 ta’ Diċembru tal-2022, Pjazza San Ġorġ se tkun qed tospita l-esebizzjoni internazzjonali “Enlightened Universe” tal-artist Cristobal Gabarron. Esebizzjoni li matulha se jkun qed jiġi ċċelebrat il-Jum Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Magħquda, nhar it-Tnejn 24 ta’ Ottubru 2022.


Din l-esebizzjoni kienet saret għan-Nazzjonijiet Magħquda sabiex tfakkar is-70 anniversarju mit-twaqqif u daret bosta bliet prominenti madwar id-dinja bħal New York, Amsterdam, Ġinevra u Brussell. Din is-sena qiegħda tiġi ospitata ġewwa pajjiżna sabiex tikkommemora l-ħatra ta’ Malta fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.


Din l-esebizzjoni tikkonsisti fi globu tad-dinja mdawwar b’katina f’forma ta’ persuni li jissimbolizza d-diversità fil-bnedmin. L-iskop huwa li jintwerew l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Magħquda – il-paċi, it-tolleranza, ir-responsabbiltà, l-edukazzjoni, il-kultura u l-iżvilupp sostenibbli fost oħrajn. L-artist Spanjol Cristobal Gabarron se jkun ukoll qed itella’ żewġ avvenimenti oħra f’pajjiżna, wieħed fi Spazju Kreattiv u l-ieħor fit-tempji tal-Ġgantija.


Preżenti għat-tnedija ta’ din l-esebizzjoni kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg u l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, flimkien mal-Ambaxxatur Malti għal Spanja Daniel Azzopardi u l-Ambaxxatur Spanjol għal Malta José María Muriel u t-tmexxija tal-MTA.

Il-Ministru Owen Bonnici sostna li dan kollu huwa pass importanti ieħor fil-medda tas-setturi kulturali u kreattivi ta' Malta. “L-aħħar snin tabilħaqq urewna kif ukoll għallmuna kemm hu importanti li ninvestu l-ħin u r-riżorsi tagħna fl-arti u l-kultura – żewġ setturi li jagħtu ħajja lir-ruħ tan-nazzjon. Il-kollaborazzjoni internazzjonali ppreżentata llum turi r-reżiljenza tas-setturi u x’jista’ jinkiseb meta l-artisti minn partijiet differenti tad-dinja jikkollaboraw flimkien biex ikollna aktar ideat u joħolqu kapulavur li jispira, u jħalli lin-nies b'aktar kurżità,” qal il-Ministru Bonnici.


Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg sostna li s-snin 2022 u 2023 huma snin importanti ferm għal Malta fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda, b’mod partikolari minħabba s-siġġu fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà. Huwa sostna wkoll li din l-esebizzjoni timmarka l-importanza tar-relazzjonijiet bilaterali u storiċi ma’ Spanja. “Malta se tkun qed tkompli timbotta l-valuri tal-paċi u l-għaqda. Bħala pajjiż nemmnu fil-bżonn ta’ djalogu miftuħ u diversità fl-approċċ tagħna”, qal Ian Borg.


Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo saħaq dwar kif esebizzjoni ta’ din il-portata fil-qalba tal-Belt Valletta hija turija ċara ta’ kemm bħala pajjiż ninsabu impenjati li noffru prodott turistiku ddiversifikat u ta’ kwalità. “Dawn it-tip ta’ avvenimenti jkomplu joħorġu fid-deher il-potenzjal li għandhom l-Gżejjer Maltin fid-dinja turistika. L-għan tagħna jibqa’ li permezz tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu nkomplu nixprunaw niċeċ turistiċi li permezz tagħhom il-prodott turistiku Malti jibqa’ sostenibbli għaż-żmien li ġej”, ikkonkluda l-Ministru Clayton Bartolo.


L-artist Cristobal Gabarron esprima li huwa ta’ unur kbir li din l-installazzjoni saret fil-pjazza emblematika, il-Pjazza San Ġorġ, fil-Belt Valletta. Huwa rringrazzja lil kull min ta sehem sabiex din il-viżjoni issa ħadet il-ħajja, b’mod speċjali lill-ministri u l-ambaxxaturi rispettivi.


Comments


bottom of page